Aġġornata: L-ebda immigrant irregolari ma nġieb lejn Malta

Aġġornata 08.42am
Kelliem għal-Forzi Armati ta’ Malta ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-ebda immigrant irregolari ma nġieb Malta “għax din kienet operazzjoni militari kkordinata mill-bidu sat-tmiem mill-awtoritajiet Taljani”.
Spjega li tard lbieraħ filgħaxija, kien hemm patrol boat tal-Forzi Armati li kienet sejra lejn in-nofsinhar ta' Lampedusa. Din il-patrol boat kienet qed isservi taħt missjoni tal-Frontex.
Jirriżulta li kienu tlieta l-każijiet ta’ dgħajjes b’persuni abbord li kellhom bżonn l-għajnuna f'nofs ta' baħar.
Bejniethom id-dgħajjes kienu qed iġorru mal-1,630 immigrant irregolari.
Aktar kmieni
Il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat f’messaġġ fuq Twitter ilbieraħ filgħaxija, ikkonferma li kienet għaddejja operazzjoni ta’ salvataġġ mill-Forzi Armati ta’ Malta biex tgħin immigranti irregolari fil-Mediterran.
Isemmi li l-operazzjoni militari kienet waħda konġunta bejn l-awtoritajiet navali Taljani u l-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-Prim Ministru Malti faħħar ukoll il-ħidma bejn Malta u l-Italja.
Għalkemm ma ngħataw l-ebda dettalji oħra, il-bieraħ il-ġurnal The Times irrapporta li kien hemm madwar 620 persuna abbord dgħajsa wieqfa lejn in-nofsinhar ta’ Malta. Skont dan ir-rapport, b’kollox kien hemm tliet dgħajjes li sabu ruħhom f’diffikultà u li kienu qed iġorru bejniethom mal-1,500 persuna.
Jidher li dawn l-immigranti telqu mil-Libja, u li kellhom bżonn għajnuna urġenti għax minbarra ħsarat fid-dgħajsa, spiċċaw ukoll bla provista ta’ ikel u ilma.