L-awtoritajiet jirċievu l-ilmenti u ma jagħmlu xejn – Cacopardo

Miguela Xuereb

L-Alternattiva Demokratika qalet li r-regolamenti ta’ emerġenza li se jippubblika l-Gvern f’dawn il-ġranet jistgħu jimlew vojt temporanju. Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo qal waqt konferenza stampa li dak li hu meħtieġ huma riżorsi adegwati biex l-industrija tal-kostruzzjoni tkun sorveljata sewwa u l-ħin kollu. Hu qal li b’dan il-mod, dawk il-ftit li m’għandhomx rispett lejn il-komunità residenzjali fiz-zoni urbani, jinġiebu f’sensihom.

Bosta drabi huma l-awtoritajiet stess li jinjoraw dawn l-istess ilmenti. Cacopardo qal li hu mertu tal-parti l-kbira tal-operaturi u professjonisti fl-industrija tal-bini li jaħdmu b’attenzjoni li ma kienx hemm aktar traċedji. Hu qal li ċertament mhux mertu tal-awtoritiajiet li iktar iva milli le huma passivi. Dwar kull wieħed mit-tliet każi ta’ kollass ta’ bini f’dawn il-ġimgħat irriżulta li r-residenti kienu lmentaw qabel u ma sabux lil min jismagħhom. Inkella ma sabux lil min jagħtihom direzzjoni dwar fejn l-ilmenti tagħhom dwar ħsara li kienet qed tiżviluppa taħt għajnejhom setgħu jkunu indirizzati b’urġenza.

Cacopardo qal li l-fatt li l-Gvern ordna sospensjoni ta’ kull xogħol ta’ kostruzzjoni jixhed fatt bażiku wieħed; li l-korpi regolatorji tal-industrja tal-bini m’għandhomx ir-riżorsi biex jagħmlu xogħolhom, u fil-fatt m’humiex jagħmluh.