L-Awtoritajiet Filippini għandhom jinvestigaw il-qtil makabru ta’ saċerdot

Isqof fil-Filippini qed jitlob lill-awtoritajiet tal-pajjiż biex jinvestigaw bis-serjeta’ il-qtil inġust u brutali ta’ saċerdot kattoliku.
Nies mhux magħruf sparaw u qatlu lil Fr.Marcelito Paez li kellu 72 sena, f’inċident li seħħ fl-4 ta’ dan ix-xahar waqt li kien qed isuq il-karrozza tiegħu fil-belt ta’ San Leonardo, fuq il-gżira Filippina ta’ Luzon. Hu miet tliet siegħat wara l-attakk, fl-isptar tal-lokal.
Dan l-attakk seħħ ftit siegħat biss wara li s-saċerdot mid-djoċesi ta’ San Jose u membru tal-Bord Nazzjonali tal-Missjunarji Rurali tal-Filippini, iffaċilita’ l-ħelsien ta’ priġunier politiku minn ħabs fil-provinċja ta’ Cabanatuan. Fr. Paez kien magħruf li jaħdem ħafna fuq kwestjonijiet ta’ drittijiet umani, il-fqar u l-bdiewa.
L-Isqof Roberto Mallari ta’ San Jose ikkundanna bil-qawwa kollha l-qtil brutali ta’ dan is-saċerdot u  appella għal investigazzjoni serja dwar il-qtil.
Min-naħa tiegħu, kelliem għall-President tal-pajjiż, qal f’konferenza li xxandret fuq it-televiżjoni, li dan l-inċident se jkun invetigat bir-reqqa.  Qal li kien kmieni wisq biex wieħed jgħid li dan kien qtil politiku.
L-Isqof Mallari appella lill-awtoritajiet biex jagħmlu investigazzjoni serja u jassiguraw li ssir ġustizzja dwar dan il-qtil.
L-attakk fuq Dr Marcelito seħħ jum biss wara li l-pulizija qatlu saċerdot ieħor madwar 800 kilometru bogħod minn Manila.  Il-Pulzija qal lu dan is-saċerdot, Dr Lovelito Quinones kien membru tal-Armata l-Ġdida tal-Poplu u nqatel meta kien hemm sparaturi bejn il-pulizija u membri ta’ dan il-grupp.