L-awtorità tgħid kif suppost jitqassmu l-pakketti

L-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA) spjegat ma’ Newsbook.com.mt, kif pakketti li jintbagħtu biex jitqassmu għandhom jiġu mmaniġġjati mill-pustier b’mod li jnaqqsu r-riskju li jintilfu, jinkisru jew li jdumu ma jaslu.
B’risposta għall-filmat fuq Newsbook.com.mt, fejn kurrier deher iwaddab pakkett ġo gallerija fuq ordni tal-klijent, l-Awtorità kompliet tgħid kif biex tinżamm l-integrità tas-servizz li jipprovdu u sigurtà tal-pakketti li ġew fdati lilhom, il-kurriera jridu jimplementaw il-politiki biex jiġu salvagwardjati l-interessi tal-konsumaturi.
Madanakollu ħafna faħħru l-aġir tal-kurrier…
Il-filmat inxtered malajr fuq il-mezzi soċjali, fejn ħafna kienu dawk li qablu mal-kurrier u faħħruh għad-dedikazzjoni tiegħu. 

Ħafna qabżu għalih u qalu li għamel hekk għax kellu ftehim mal-klijent.

Oħrajn qalu li mhux l-ewwel darba li talbu lill-kurrier jagħmel xi ħaġa simili.

Xi nies qalu li l-istess kurrier iltaqa’ magħhom band’oħra biex jagħtihom pakkett minħabba li ma kinux id-dar.

Imma kien hemm min ma tantx deher li qabel miegħu
Minkejja l-bosta kummenti ta’ tifħir, kien hemm oħrajn li qalu li ġieli sabu pakketti fil-gallerija mingħajr ma taw l-ebda ordni lill-kurrier.

Jitkellem ukoll il-kurrier innifsu
Min-naħa tiegħu, il-kurrier li jidher fil-filmat ħalla kumment fejn spjega li l-unika raġuni għaliex waddab il-pakkett fil-gallerija kienet minħabba li kien il-klijent stess li tah dawn l-istruzzjonijiet.
Huwa kompla jgħid kif bosta kumpaniji jħallu nota lill-klijenti bħal dawn u minħabba f’hekk jiskomodaw lill-klijenti u nsista li jagħmel milli jista’ sabiex jifranka xi battikata, jew sagħtejn leave lill-klijent ikkonċernat.
Huwa temm billi rringrazzja lill-persuna li ġibditlu dan il-filmat fejn insista li aktar minn kollox uriet li għad hawn nies dedikati f’xogħolhom u jieħdu inizjattiva sabiex jaqbdu lill-klijent tagħhom “bl-aħjar mod”.

L-MCA fakkret li jekk hemm konsumaturi li jeħtieġu aktar informazzjoni dwar dan is-servizz, jistgħu iċemplu fuq 21336840, jibgħatu imejl fuq customercare@mca.org.mt jew messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Awtorità.