L-Awtorità tax-Xandir tisforza lill-PBS jiċċensura l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti – IĠM

Aġġornat 07:59 PM

Read in English.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) qal li l-Awtorità tax-Xandir qed tisforza lill-PBS jiċċensura l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.

Propju lbieraħ, l-istazzjon pubbliku televiżiv Television Malta u l-istazzjon tar-Radju tal-PBS, Radju Malta, kellhom jaqtgħu t-trażmissjoni mat-tmiem tad-diskors tal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearn u s-Superintendent għas-Saħħa Prof. Charmaine Gauci. B’dan il-mod, min kien qed isegwi x-xandira diretta fuq dawn l-istazzjonijiet, ma setax ikompli jsegwi l-parti fejn jistaqsu l-ġurnalisti.

Permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Television Malta, kien spjegat li l-“PBS ma setax ixandar il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt il-konferenza tal-aħbarijiet b’mod dirett fuq TVM u Radju Malta biex ikun konformi ma’ deċiżjoni b’direttiva tal-Awtorità tax-Xandir mogħtija fis-16 ta’ Ġunju 2020.”

F’din id-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju, il-BA intalbet għal rimedju mill-Partit Nazzjonalista meta l-Prim Ministru wieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet partiġġjani minn xi ġurnalisti. Dan seħħ waqt konferenza tal-aħbarijiet relatata ma’ informazzjoni li ngħatat dwar il-coronavirus. Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearn u s-Superintendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.

L-IĠM irreaġixxa għal din l-aħbar u sostna li l-PBS, mingħajr għażla oħra, spiċċa kellu jkun konformi ma’ ordni li tiċċensura l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. L-IĠM spjega li fid-deċiżjoni tagħha, il-BA qalet li “l-element politiku fil-konferenza tal-aħbarijiet kien ipprovokat minn xi mistoqsijiet mill-ġurnalisti preżenti…l-element politiku ħareġ fis-sessjoni tal-mistoqsijiet, bl-istess mistoqsijiet jipprovokaw tweġibiet politiċi. Il-Prim Ministru ma kellux għażla ħlief li jwieġeb…l-Awtorità hija konxja li kwalunkwe żbilanċ kien tort tal-mistoqsijiet li saru.” B’hekk, il-BA sforzat li ssir ċensura min-naħa tal-PBS. L-istazzjon kien saħansitra sfurzat jiċċensura lill-ġurnalisti tiegħu stess.

L-IĠM qal li din kienet deċiżjoni li diffiċli wieħed jifhima. “Ċensura ta’ dan it-tip mhi aċċettabbli fl-ebda stat demokratiku. Bid-deċiżjoni tagħha, il-BA effettivament sfurzat lill-PBS jinbidel f’xandir tal-istat simili għal dak li jidher f’reġimi totalitarji. Dawk kollha li jippreferu jsegwu l-aħbarijiet u l-ġrajjiet kurrenti fuq dan l-istazzjon, u jemmnu u jafdaw li huwa ta’ min jafda fih u hekk etika ta’ servizz pubblika, spiċċa ma ngħatax is-servizz mixtieq u issa qed jitħalla jfittex verifika banda oħra,” insista l-IĠM.

Intant, talab għal laqgħa fejn issir rettifikazzjoni ladarba b’din id-deċiżjoni, il-BA għalqet ħalq il-ġurnalisti, inkluż dawk tal-PBS.

Deċiżjoni assurda – Repubblika

Repubblika kkundannat id-deċiżjoni tal-BA u sostniet li hija xi ħaġa assurda “li ma tippermettix li l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti ikunu mxandra mill-istazzjon nazzjonali. Sostniet li din hija ċensura li tixraq lid-dittatorjati.

“L-Awtorità tax-Xandir ħolqot sitwazzjoni fejn il-politiku ikun żbilanċjat kemm irid imma l-ġurnalist għandu ħalqu magħluq fuq l-istazzjon nazzjonali,” qalet Repubblika.

Insistiet li jkun aħjar li minflok tagħlaq ħalq il-ġurnalisti, l-Awtorità tax-Xandir twettaq dmirha li tiżgura bilanċ u imparzjalità fuq ix-xandir kollu, skont l-artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Bernard Grech b’ittra liċ-Chairperson tal-BA

Bernard Grech, li qed jikkontesta l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista kiteb itta liċ-Chairperson tal-BA fejn talab biex jassigura li l-Awtorità immedjatament tirrevoka d-deċiżjoni li ħadet.

“Il-mistoqsijiet ta’ ġurnalisti waqt konferenza pubblika indirizzata minn kwalunkwe
politiku, wisq aktar minn Prim Ministru u Ministri tal-gvern, bl-ebda mod ma jistgħu joħolqu
xi żbilanċ jew imparzjalità fix-xandir pubbliku stante li media kollha mistennija tkun mistiedna.
Id-deċiżjoni tal-Awtorità tmur għal kollox lil hinn mill-funzjoni tagħha kif imfissra fil-
Kostituzzjoni u hi għal kollox abbużiva,” insista Grech.

Hu talab għal laqgħa sabiex issir diskussjoni wiċċ imb’wiċċ.