L-Awtorità tax-Xandir tinsisti dwar ċensura tal-mistoqsijiet fuq TVM

Read in English.

L-Awtorità tax-Xandir baqgħet iżżomm mad-deċiżjoni li ħadet li l-istazzjon Nazzjonali ma jxandarx il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt il-konferenzi stampi. L-Awtorità qalet li din hija d-deċiżjoni finali tagħha.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara l-ilment li għamel il-Partit Nazzjonalista li kien hemm żbilanċ fil-midja. Madankollu l-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ma qabilx mad-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir u qal li setgħu nstabu soluzzjonijiet oħra biex ikun indirizzat l-iżbilanċ fil-midja

L-ilment tal-Partit Nazzjonalista kien sar wara li l-Prim Ministru Robert Abel f’Mejju li għadda wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti b’mod parteġġjan. Il-Partit Nazzjonalista kien ingħata 10 minuti fuq l-istazzjon nazzjonali biex jikkumpensaw għal dan. Wara dan l-inċident l-Awtorità tax-Xandir ħadet id-deċiżjoni li l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt il-konferenzi stampi ma jibqgħux jiġu mxandra fuq l-istazzjon nazzjonali.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundannat din id-deċiżjoni u akkużat lill-Awtorità li qed tiċċensura l-ġurnalisti.

Min-naħa tagħha l-Awtorità tax-Xandir fakkret fl-obbligazzjonijiet tagħha taħt l-Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li jgħid li, “tkun funzjoni tal-Awtorità dwar ix-Xandir li tiżgura illi, safejn ikun possibbli, f’dawk is-servizzi ta’ xandir ta’ smigħ u televiżjoni li jistgħu jkunu provduti f’Malta, tiġi miżmuma imparzjalità xierqa dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrjali jew li jirriferixxu għal policy pubblika korrenti u illi l-faċilitajiet u l-ħin ta’ xandir huma mqassma b’mod xieraq bejn persuni li jkunu ta’ partiti politiċi differenti”.

Blackout lill-midja mhux soluzzjoni – Delia

Fir-reazzjoni tiegħu għall-isqarrija tal-Awtorità tax-Xandir, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-iżbilanċ politiku ma jistax jiġi indirizzat billi tiċċensura l-ġurnalisti. Żied li l-ġurnalisti għandhom l-irwol importanti fid-demokrazija.

Delia żied li l-iżbilanċ politiku ħolqu l-Prim Ministru Robert Abela għax “ħataf ix-xandir nazzjonali u ġabu pjattaforma politika għalih biex jindirizza konferenzi tal-aħbarijiet li ġabhom partiġġjani u biex jattakka l-Oppożizzjoni”.

Delia esprima solidarjetà mal-ġurnalisti u qal li l-libertà tal-istampa qiegħed kulma jmur tinżel ’l isfel.

Matul il-pandemija l-PN għamel mill-inqas 10 ilmenti dwar żbilanċ politiku – PL

Il-Partit Laburista fi stqarrija bi tweġiba għal dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li matul il-pandemija l-Partit Nazzjonalista ressaq minn tal-inqas 10 ilmenti mal-Awtorità tax-Xandir fuq żbilanċ politiku. 

Żied li fit-18 ta’ Mejju l-Awtorità ħadet id-deċiżjoni li l-istazzjon nazzjonali jibda jxandar biss il-parti fejn jitħabbru l-fatti ta’ interess nazzjonali u mistoqsijiet oħra jixxandru fuq pjattaformi diġitali u servizzi oħra. Il-Partit Laburista qal li issa Adrian Delia qal li l-Awtorità tax-xandir qed tagħmel forma ta’ ċensura lill-ġurnalisti.

Il-Partit Laburista temm billi qal li wara d-dikjarazzjoni li għamel Delia, il-Partit Nazzjonalista mhux se jkollu iktar oġġezzjoni li konferenzi tal-aħbarijiet tal-Gvern li jkunu ta’ interess nazzjonali jixxandru fuq l-istazzjon nazzjonali u mezzi oħra tax-xandir.