L-Awtorità tax-Xandir sponser ewlieni tal-premjijiet għall-midja mxandra

L-Awtorità tax-Xandir se tkun l-isponser ewlieni tal-25 edizzjoni tal-Premjijiet tal-Istitut għall-Ġurnalisti għall-midja mxandra.
Dan ġie kkonfermat waqt laqgħa, li matulha Anthony J Tabone, Ċermen tal-Awtorità tax-Xandir  ippreżenta lill-President tal-Istitut tal-Ġurnalisti Karl Wright, bl-isponser ta’ din is-sena.
Anthony J. Tabone qal li l-Awtorità tax-Xandir hi kburija b’dawn il-premjijiet għax jirrikonoxxu x-xogħol siewi tal-ġurnalisti matul is-sena.  Żied jgħid li hu evidenti li dawn il-Premjijiet qed jilħqu l-għanijiet tagħhom billi jħeġġu lill-ġurnalisti jtejbu l-kwalità tax-xogħol tagħhom.
Semma li l-Awtorità hi ħafna konxja ta’ sitwazzjonijiet diffiċli li l-ġurnalisti jkollhom jiffaċċjaw.
Min-naħa tiegħu, Karl Wright qal li l-kategoriji tal-midja mxandra qed jattiraw produzzjonijiet ta’ kwalità għolja u dan primarjament għax qed jiġu sponsorjati mill-Awtorità tax-Xandir.
B’kollox, l-Awtorità tax-Xandir se tkun qed tisponsorja erba’ kategoriji u l-ġurija se tkun qed tagħżel finalist f’kull kategorija.  B’kollox hemm erba’ kategoriji: Skript tal-Aħbarijiet tat-Televiżjoni, Skript ta’ Feature fuq it-Televiżjoni, Xandir ta’ Film Ġurnalistiku, u Xandir Ġurnalistiku fuq ir-Radju.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Pierre Cassar, u l-Uffiċjal għall-Komunikazzjoni u t-tħaddim tal-media soċjali tal-Istitut tal-Ġurnalisti, Roderick Agius, kienu preżenti għal din il-preżentazzjoni.