L-Awtorità tax-Xandir ma tilqax ilment tal-PN dwar il-messaġġ tal-PM

L-Awtorità tax-Xandir ma laqgħetx ilment li tressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar il-messaġġ tal-Prim Ministru għall-ewwel tas-sena.
Dan l-ilment tressaq mill-Partit Nazzjonalista fis-6 ta’ Jannar li għadda u l-Awtorità semgħet kemm ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll rappreżentanti tal-PBS, hekk kif il-filmat ixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali fil-31 ta’ Diċembru u fl-1 ta’ Jannar.
Waqt laqgħa fid-19 ta’ Jannar fl-Awtorità tax-Xandir, l-avukat Francis Zammit Dimech f’isem il-Partit Nazzjonalista sostna li l-messaġġ kien eżerċizzju ta’ propaganda partiġġjana.
Qal li x-xandira kienet reklam politiku bi script ippreparat u li l-familja li dehret fil-filmat ma kinitx ‘working class’ kif ingħatat l-impressjoni u għalhekk talab rimedju.
L-avukat tal-PBS Mark Vassallo qal li r-rwol tal-istazzjon nazzjonali f’dan il-każ kien li jxandar il-messaġġ kif ippreżentat lilu.
Qal li l-messaġġ kien fuq l-istess linji ta’ oħrajn li saru fil-passat.
L-Awtorità tax-Xandir ikkonkludiet li tifhem li l-istazzjon nazzjonali għandu l-obbligu li jxandar il-messaġġ tal-Prim Ministru u huwa rikonoxxut li f’dan il-messaġġ tal-ewwel tas-sena tingħata ħarsa lejn il-ħidma tal-Gvern fis-sena li tkun intemmet u li dan huwa simili għall-messaġġi ta’ mexxejja oħra madwar l-Ewropa.
L-Awtorità tax-Xandir ikkonkludiet li tilqax l-ilmenti tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk m’hemmx lok għal rimedju.

Reazzjoni PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li jinnota l-istqarrija tal-Awtorità tax-Xandir u filwaqt li jirriżerva kull dritt li tippermettilu l-liġi, jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-Awtorità naqset milli tagħraf kontroversja politika u tagħti rimedju.

Reazzjoni PL
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li huwa ċar li l-Partit Nazzjonalista jekk ma taqbilx miegħu jattakkak.
Intqal li aktar minn hekk qed jagħżel liema Awtorità ifaħħar u liema jattakka skont id-deċiżjoni tkunx taqbel lilu jew le.