Read in English.
L-Awtorità tax-Xandir laqgħet ilment tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi dwar item fl-aħbarijiet tat-TVM fit-23 ta’ Novembru, u kkonkludiet li r-rapurtaġġ tal-istazzjon nazzjonali ma kienx fidil għal fatti.
L-awtorità qalet li d-deċiżjoni tagħha kienet ta’ rimedju fiha nnifisha, però fid-dawl ta’ dan tat ċanfira lill-Public Broadcasting Services.
L-item tal-aħbarijiet sar fid-dawl ta’ kummenti li Azzopardi kien għamel fuq 103 Malta’s Heart, fejn – bħala avukat tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia – insista li jemmen li Yorgen Fenech hu ħati ta’ kompliċità fl-assassinju tagħha.
L-avukati ta’ Fenech għamlu rikors fil-qorti, għax insistew li l-kummenti tad-deputat marru kontra l-preżunzjoni tal-innoċenza tal-klient tagħhom. Però l-argument tagħhom ġie miċħud mill-Maġistrat Rachel Montebello, li qalet li Azzopardi, bħala parte civile, m’għandux rwol imparzjali fil-każ.
Id-deċiżjoni tal-maġistrat saret fit-23 ta’ Novembru, imma fir-rapurtaġġ tiegħu TVM qal li Azzopardi kien imwissi u għażel li jiffoka fuq elementi periferali. Id-deputat b’hekk għamel ilment – l-ewwel wieħed tiegħu kontra l-PBS.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-awtorità innutat li l-ġurnalist tat-TVM interpreta l-kunċett ta’ kawtela bħala twissija, u kkonkludiet li r-rapurtaġġ ma kienx fidil.