L-Awtorità tal-Ippjanar u Din l-Art Ħelwa jiftehmu fuq RTK…biex jiltaqgħu

L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u Din l-Art Ħelwa (DLĦ) ftehmu waqt programm fuq RTK 103FM, li għandhom jiltaqgħu flimkien ma’ entitajiet oħra, sabiex jiddiskutu iktar fil-fond il-proġetti tal-binjiet high-rise.
Waqt Newsline, Maria Grazia Cassar, il-President ta’ DLĦ, saħqet li l-entità kull ma tixtieq hu li qabel ma jitkomplew joħorġu l-permessi għal aktar bini għoli, għandu jsir mudell ta’ Malta biż-żoni tal-high-rise żviluppati.
Hi spjegat kif wara li dan il-mudell jgħaddi minn skrutinju pubbliku, jekk jiġi aċċettat, ikunu jistgħu jibqgħu joħorġu l-permessi.
Waqt id-dibattitu, Johann Buhagiar, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, semma ż-żoni differenti li jaqgħu taħt il-Floor Area Ratio (FAR) li jiddistingwu liema żoni jistgħu jospitaw bini high-rise.
Dawn iż-żoni jinkludu l-Imrieħel, Tas-Sliema, San Ġiljan, il-Gżira, Buġibba, il-Qawra, San Pawl il-Baħar u madwar il-port tal-Marsa.
Punt ieħor li ġie diskuss waqt il-programm kien il-fatt li għal ħafna, il-bini għoli jidher ikrah.
Cassar ikkummentat dwar kif jidher ikrah minħabba l-kuntest li qed jinbena fih u tgħid li jistona.
Madankollu, Buhagiar irribatta l-argument fejn qal li l-unika raġuni għalfejn bosta jaħsbu hekk hija għax jaraw binja waħda għolja qalb bini ieħor baxx u jisħaq li sbuħija ta’ dan it-tip ta’ bini toħroġ meta jinbnew grupp ta’ torrijiet fl-istess żona.
Ara dak kollu li ġie diskuss waqt Newsline hawnekk: