L-Awtorità tal-Ippjanar għall-Qorti dwar il-binja tas-Sea Malta

Sea Malta

Il-Kamra tal-Periti, Din l-Art Ħelwa (DLĦ) u Flimkien Għal Ambjent Aħjar (FAA) se jidhru l-Qorti sabiex jippruvaw jiddikjaraw null il-permess li tat l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) sabiex tkun tista’ titwaqqa’ s-Sea Malta lura fl-2017.
Fl-2017, il-Kamra tal-Periti flimkien mal-FAA kienu oġġezzjonaw bl-aħrax din id-deċiżjoni tal-PA, li kienet ikkwotat l-Avviż Legali 258 tal-2002 li jippermetti lill-istess Awtorità biex tawtorizza xogħlijiet ta’ emerġenza biex jittranġa jew jitneħħa kwalunkwe periklu li jista’ jkun hemm f’binja.
Fl-istqarrija konġunta tal-lum, it-tliet għaqdiet sostnew li l-Awtorità għanda l-jedd li tawtorizza biss xogħlijiet li huma limitati, jiġifieri t-tneħħija ta’ periklu billi jitwaqqa’ bini hija permessa biss jekk m’hemm l-ebda mod ieħor kif jista’ jitneħħa dan il-periklu.
Għal din ir-raġuni, it-tliet għaqdiet jemmnu li l-permess li ħareġ dwar it-twaqqiegħ ta’ parti mill-binja ta’ Sea Malta kiser il-liġi hekk kif il-periklu seta’ jitneħħa mingħajr ma jitwaqqa’ l-bini. Sostnew ukoll li l-PA marret kontra t-talba tal-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar li kien talab għas-sospensjoni tal-permess.
Insistew li minħabba li l-PA falliet milli tara l-iżball li għamlet, il-binja issa ntilfet.
Għalhekk, it-tliet għaqdiet iddeċidew li jissottomettu applikazzjoni sabiex dan il-permess, li ġie approvat taħt il-proċedura “Struttura Perikoluża” jiġi ddikjarat null, filwaqt li jiġi ddikjarat ukoll li l-PA aġixxiet ultra vires, jiġifieri b’poter li hi m’għandiex. L-organizzazzjonijiet qed jitolbu wkoll li l-miżuri li wasslu għad-dannu jiġu remedjati.
L-ewwel smigħ fil-Qorti se jsir nhar il-Ħamis li ġej.