L-Awtorità tal-Ippjanar tirrifjuta l-bini ta’ 2 pompi tal-petrol

L-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat żewġ applikazzjonijiet għall-bini ta’ pompi tal-petrol ġodda fuq art ODZ, waħda f’Ħaż-Żebbuġ u l-oħra fl-Iklin.
It-tnejn ġew irrifjutati minħabba li kienu 500 metru inqas mill-eqreb pompa tal-petrol eżistenti, il-minimu rikjest mil-liġi.
Wara li sema’ liż-żewġ applikanti u d-direttorat, il-Bord tal-Ippjanar qabel ir-rakkomandazzjoni tad-Direttorat u rrifjuta l-permessi.
Fix-xahar li għadda, il-Kunsill Lokali tal-Iklin kien wera t-tħassib tiegħu għal dan il-proġett u kien qal li l-pompa tal-Iklin kienet qed tiġi proposta fi Triq tal-Balal, li tinsab 297 metru ’l bogħod minn dan is-sit in kwistjoni.
Fil-bidu ta’ din is-sena, il-Gvern kien beda l-proċess biex tinbidel il-politika dwar l-għoti ta’ permiss għal pompi tal-petrol.
Newsbook.com.mt kien żvela uħud mill-proposti tal-ERA dwar il-pompi tal-petrol.
Ir-rapport sħiħ kien ġie ppubblikat ġimgħa wara mill-Ministru għall-Ambjent José Herrera.