L-Awtorità tal-Ippjanar tiċħad permess għal pompa tal-petrol fi Triq il-Kosta

L-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat li tippermetti l-iżvilupp ta’ pompa tal-petrol fi Triq il-Kosta, limiti tan-Naxxar.
Qieset l-iżvilupp ta’ kważi 2,900 metru kwadru ta’ art, imdawwar b’inħawi ta’ importanza ekoloġika, bħala li jħalli mpatt ambjentali negattiv.
Fl-istess sessjoni, l-Awtorità rrevokat permess mogħti f’Jannar għall-iżvilupp ta’ dar residenzjali b'kantina f’inħawi ta’ valur agrikolu f’Burmarrad.
L-Awtorità qieset li l-applikant kien ippreżenta informazzjoni falza u li kien hemm provi biżżejjed li qatt ma ħa prodotti agrikoli l-Pitkalija. Għalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa li l-maħżen jinbidel f’dar residenzjali.