L-Awtorità tal-Ippjanar tapprova torri ta’ 16-il sular f’Tas-Sliema

Read in English.

Il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar approva l-aħħar fażi tal-proġett f’Tigne, sabiex jinbena torri residenzjali ta’ 16-il sular, biswit il-mina ta’ taħt il-kumpless The Point.

Stqarrija maħruġa mill-Awtorità tgħid li dan l-iżvilupp se jinbena f’sit li diġà huwa skavat.

Se jkun fih erba’ sulari taħt l-art, li jipprovdu 81 spazju tal-parkeġġ, u 17-il sular fuq l-art, bi 63 appartament.

Il-Bord qabel li d-dħul tal-ippjanar ta’ dan il-proġett, madwar €220,000, se jintuża għal proġetti ta’ titjib madwar Tas-Sliema.

Il-proposta għal dan l-iżvilupp kienet tħabbret f’Awwissu li għadda mill-iżviluppaturi, MIDI plc.

Kienu spjegaw li l-proġett ma jinkludix biss torri residenzjali iżda wkoll ħwienet ġodda mdawra b’ġonna, kif ukoll pont li jgħaqqad iċ-ċentru kummerċjali ta’ Tigne mal-promenade u anke parkeġġ ta’ erba’ sulari taħt l-art.

Kien ingħad ukoll li t-torri se jieħu spazju ta’ 13,200 metru kwadru, u se jkun iddisinjat b’mod li ma jgħattix ħafna mill-veduti tal-Belt Valletta.