L-Awtorità tal-Ippjanar tapprova l-bini ta’ mijiet ta’ appartamenti fi 3 proġetti

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permess għall-iżvilupp ta’ mijiet ta’ appartamenti fi 3 proġetti differenti.
Fl-istess ħin tenniet li hemm provi biżżejjed biex permess mogħti ftit ġimgħat ilu, għat-twaqqigħ ta’ razzett u l-bini ta’ dar f’inħawi ODZ fis-Siġġiewi, ma jiġix revokat.
Il-permess kien jorbot fuq li jiġi ppruvat, kif issa ġie, li r-razzett kien ilu abbandunat għal iktar minn 10 snin.
Il-permessi l-oħra mogħtija kienu għat-twaqqigħ ta’ appartamenti ta’ Ramla Bay Hotel fil-Mellieħa u l-bini ta’ 100 appartament ġdid għall-istess lukanda, f’forma ta’ qalb, tliet ristoranti, bars, diskoteka, kmamar għal laqgħat, pixxina, kumpless għal spa, u parkeġġ taħt l-art.
L-iżviluppatur ġie mġiegħel jikkontribwixxi €136,000 għal proġetti ta’ tisbiħ fil-Mellieħa.
L-Awtorità approvat l-iżvilupp, ukoll fil-Mellieħa, ta’ kumpless residenzjali fl-inħawi Ta’ Masrija, ta’ iktar minn 150 appartament u kważi 170 garaxx f’iktar minn 5,000 metru kwadru ta’ art li taqa’ fiż-żona ta’ żvilupp. Parti mill-art tinsab f’barriera li m’għadhiex tintuża u tagħti għat-triq arterjali mill-Mellieħa għall-Għadira.
Il-bord tal-Awtorità mpona l-ħlas ta’ €193,000 li se jmorru għal titjib infrastrutturali fl-inħawi.
Fl-istess laqgħa, ġie approvat żvilupp ieħor, din id-darba fil-Qawra, ta’ kważi 7,000 metru kwadru ta’ art li se jkollu 7 blokok residenzjali u 4 blokok għat-turiżmu.