Il-PA se terġa’ tlaqqa’ l-laqgħat pubbliċi b’mod awdjoviżiv

L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li filwaqt li qed testendi l-permessi tal-iżvilupp, l-laqgħat pubbliċi jistgħu jsiru permezz ta’ video conference.

Dan qed jsir wara li kważi ħmistax ilu, l-Awtorità tal-Ippjanar issospendiet il-laqgħat tagħha.

Fi stqarrija, l-Awtorità qalet li se tibda tuża’ mezzi elettroniċi wara li jgħaddi avviż legali. L-awtorità qalet li qed tapplika wkoll protokolli ġodda li jippermettu lill-Bord jew Kummissjoni tal-Ippjanar sabiex jagħmlu laqgħat permezz ta’ mezzi elettroniċi jew mezzi oħrajn ta’ komunikazzjoni li huma aċċessibbli.

Għalhekk l-Awtorità tal-Ippjanar se tkun qed terġa’ tlaqqa’ l-Board tal-Ippjanar u l-Kujmmissjoni tal-Kummissjoni tal-Ippjanar permezz ta’ video conferencing.

Filwaqt li, l-applikanti, Periti, entitajiet reġistrati u membri tal-pubbliku se jkunu jistgħu jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħha mal-każ lill-Bord jew Kummissjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi.

Intant, l-Awtorità tal-Ippjanar qed testendi bi tliet snin il-permessi kollha tal-iżviluppp li, sal-lum għadhom validi iżda jiskadu sal-31 ta’ Diċembru, 2022.

Fi stqarrija, l-Awtorità qalet li qed tieħu dawn il-miżuri minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji li qed jiffaċċja l-pajjiż.

L-istqarrija spjegat li din il-miżura tapplika biss għal permessi li diġà ħarġu u qalet li din se tiżgura li d-drittijiet ta’ dawn il-permessi jkunu salvagwardjati.

Stqarret li din l-estensjoni se tgħin biex jiġi evitat tfixkil li jista’ jwassal għal problemi fil-kostruzzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn