L-Awtorità tal-Ippjanar ma ħaditx ħsieb Wied Qirda – PD

Il-kanal tal-ilma f’Wied Qirda qed jiġi traskurat, qal il-Partit Demokratiku, u hu qed iżomm lill-Awtorità tal-Ippjanar responsabbli talli ma ħaditx azzjoni fil-ħin kontra l-Ministeru tal-Infrastruttura u entitajiet oħrajn.

Il-Partit Demokratiku tkellem fuq l-importanza ta’ Wied Qirda fil-konfront tal-aċċess li twessa’ u ngħata t-tarmak biex joħloq spazju ta’ parkeġġ fil-wied din il-ġimgħa.

Skont il-Partit, dan sar minn Transport Malta minn fondi tal-Unjoni Ewropea li suppost jintużaw għat-titjib tat-toroq rurali.

Il-PD ilmenta fuq l-iskart tal-kostruzzjoni u l-imbarazz li jintrema fil-wied, pereżempju t-terrapien li ntefa’ hemmhekk biex joħloq aktar aċċessibbiltà għall-propjetà privata, u li qed jimblokka l-ilma.

Fil-wied bejn Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi, hemm numru ta’ siġar tal-ħarrub, taż-żebbuġ, tal-lewż, u tar-rand, u kappella ddedikata lill-Madonna tal-Viżitazzjoni, fakkar il-Partit Demokratiku. Barra minn hekk, il-wied jitqies riserva naturali u post ta’ konservazzjoni speċjali, fejn is-siġar huma protetti.