L-Awtorità tal-Ippjanar issalva 8 idjar fl-Imsida

L-Awtorità tal-Ippjanar skedat għall-preżervazzjoni tmint idjar fl-Imsida.
Id-djar jinsabu ħdejn xulxin fi Triq it-Torri f’dil-parti tar-raħal li l-organizzazzjoni mhux governattiva, Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), iddeskriviet bħala parti li tilfet bil-bosta l-istora tagħha tul iż-żminijiet minħabba l-urbanizzazzjoni.
Fi stqarrija l-FAA faħħret il-mossa tal-awtorità, u qalet li l-iskedar tagħhom ifisser li l-protezzjoni tal-wirt storiku tal-pajjiż għad għandu valur.
Il-pass ifisser ukoll li se jiġu protetti magħhom it-toroq u l-madwar tagħhom.
L-FAA awgurat lill-Awtorità tal-Ippjanar għal aktar deċiżjonijiet simili fil-ġejjieni.