L-Awtorità tal-Ippjanar insiet l-interessi ta’ Malta – PD

Fid-dawl tal-protesti dwar l-approvazzjoni ta’ pompa tal-petrol fiż-Żejtun, li seħħew ilbieraħ fl-uffiċju tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Partit Demokratiku (PD) qal li l-Awtorità insiet l-interessi ta’ Malta.

Rigward il-politika dwar il-pompi tal-fjuwil, il-PD qal li l-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera dam bosta xhur biex ressaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi lill-Kunsill tal-Awtorità tal-Ippjanar u minn dakinhar l-Awtorità kaxkret saqajha għall-ebda raġuni.

Il-PD irrimarka li l-mod ta’ kif il-Pulizija indirizzaw il-protesta tal-Moviment Graffiti u tal-Kamp Emerġenza Ambjent kien xokkanti u spjega li l-ebda uffiċjal tal-Pulizija kien imħarreġ kif imiss biex jaffronta lil persuni li kienu qed jipprotestaw.

Reazzjoni minn Żminijietna – Voice of the Left

F’reazzjoni, l-għaqda Żminijietna – Voice of the Left appellat lill-Ministru Herrera biex jintroduċi l-emendi l-ġodda fil-liġi rigward il-politika dwar il-pompi tal-petrol u esprimiet solidarjetà mal-Moviment Graffiti u mal-Kamp Emerġenza Ambjent li spiċċaw imkeċċija bil-forza waqt li kienu jipprotestaw.