Rifjutata l-applikazzjoni għal lukanda ħdejn Villa Frere

Aġġornat 02:10 PM

Read in English.

L-Awtorità tal-Ippjanar illum irrifjutat l-applikazzjoni għal lukanda ta’ għaxar sulari ħdejn Villa Frere f’Tal-Pietà.

Il-lukanda kellu jkollha 149 kamra, żoni anċillari, parkeġġ taħt l-art b’ħafna sulari, uffiċċji, restorant, ċentru tan-negozju, spa, gym u pixxina fuq barra.

Il-Bord tal-Ippjanar ċaħad din l-applikazzjoni għax qal li l-iżvilupp propost kien se jkollu impatt negattiv fuq il-binjiet storiċi fil-viċinità tal-post, l-iżjed fuq Villa Frere u l-ġonna tagħha u l-Isptar San Luqa. Il-Bord innota li l-għoli u l-kobor tal-lukanda kieku jiddomina ż-żona ta’ Tal-Pietà bħala post residenzjali.

Villa Frere

Id-djar li kieku kienet se tinbena minflokhom il-lukanda huma storiċi u jħarsu lejn is-swar tal-Furjana. Waħda minnhom hija binja ta’ Grad 2, filwaqt li oħra twassal għal Giardino Zammitello. L-applikazzjoni ġiet riveduta sabiex tinkludi r-restawr u l-preservazzjoni ta’ dan il-ġnien.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera ħabbar fuq Twitter li Giardino Zammitello se jibqa’ mhux mittiefes wara li l-applikazzjoni ġiet rifjutata unanimament.

L-NGO Friends of Villa Frere oġġezzjonat għal dan l-iżvilupp ta’ 35 metru għoli peress li li kieku nħareġ il-permess, dan kien ibiddel il-kuntest kollu għall-ġnien ta’ Villa Frere u l-proġett ta’ restawr tagħhom kien ikollu jieqaf. Hija bdiet petizzjoni kontra dan l-iżvilupp, li ġabret 1,400 firma, u kien hemm ukoll 350 oġġezzjoni individwali.

Huma appellaw sabiex dan il-permess ma jinħariġx, għax dan ikun it-tmiem tal-ġnien Neo-Klassiku u għal Villa Frere kif inhi issa. Fakkru l-wirt storiku ta’ Villa Frere, li għandha rabta ma’ Mikiel Anton Vassalli, missier l-ilsien Malti, li sikwit kien jiffrekwentaha peress li kienet il-propjetà tal-ħabib tiegħu John Hookham Frere.

Is-sena li għaddiet Heritage Malta akkwistat parti minn Villa Frere, u dan eleva l-istatus tagħha għal monument ta’ wirt nazzjonali. L-NGO żiedet tgħid li lukanda tkun ta’ detriment ukoll għall-Isptar San Luqa u għall-Iskola Primarja tal-Pietà li jkunu bieb ma’ bieb magħha.

L-appell tal-NGO ntbagħat lill-President George Vella, lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera.