L-Awtorità tal-Ippjanar għażlet li tħallas €8,750 flok €210

L-Awtorità tal-Ippjanar kriet business jet privat li sewa €8,750, biex inġabet Malta membru tal-Bord li vvutat favur il-proġett tal-Grupp db, minkejja li dakinhar kien hemm titjira regolari tal-Air Malta li kienet tiswa madwar €210.

Ilbieraħ, it-Tlieta 25 ta’ Settembru, Newsbook.com.mt żvela b’mod esklussiv kif Jacqueline Gili ġiet Malta għal 12-il siegħa b’business jet privat u wara li ma lissnet l-ebda kelma tul laqgħa ta’ sitt sigħat, ivvutat biex jinbena f’Pembroke proġett deskritt minn diversi eNGOs bħala ‘mostruż’.

Skont stqarrija maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar illum, il-prezz li tħallas għall-business jet privat kien ta’ €8,750.

Bil-jet privat waslet tard

Sorsi qrib l-industrija tal-avjazzjoni nnutaw ma’ Newsbook.com.mt illi dakinhar li s-Sinjura Gili nġiebet Malta, kien hemm titjira regolari tal-Air Malta minn Katanja. Kieku l-Awtorità xtrat biljett għal Gili fuq din it-titjira kienet tħallas €210 minflok €8,750 u Gili kienet xorta tasal fil-ħin għal-laqgħa u tmur lura Katanja fl-istess ġurnata. L-istess sorsi nnutaw li minkejja li t-titjira tal-Air Malta ttardjat b’25 minuta, niżlet Malta fit-08:20h, jiġifieri aktar minn siegħa qabel kellha tibda l-laqgħa. F’dan il-każ kienet tasal fil-ħin għal-laqgħa waqt li minħabba li użaw jet privat is-Sinjura Gili waslet tard għal-laqgħa. It-titjira lura kienet skedata fl-21:55h tal-istess jum, jiġifieri ftit sigħat wara li spiċċat il-laqgħa.

Minn stħarriġ li għamel Newsbook.com.mt, qatt ma kien il-każ li membru tal-bord tal-Awtorità nġieb Malta b’ajruplan privat biex jattendi u jivvota f’seduta tal-bord.

Il-jet privat huwa tal-kumpanija Queen Air, kumpanija rregistrata fir-Repubblika Ċeka bħalma huwa wkoll irreġistrat l-ajruplan Beechjet 400A bin-numri ta’ reġistrazzjoni OK-ZUB. Dan l-ajruplan telaq minn Napli, niżel Katanja biex għabba lil Jacqcueline Gili, ġie Malta, stennieha, ħadha lura Katanja u reġa’ lura Napli.

Sadanittant, l-Awtorità tal-Ippjanar, fi stqarrija qalet li ġabet lil Gili b’jet privat minħabba li f’okkażżjoni preċedenti, kien hemm ħafna kritika meta membru tal-bord kien assenti minħabba mard.

PA-Statement_City-Centre-public-meeting

receipt-of-payment