L-Awtorità tal-Ippjanar għandha tikkunsidra l-impatt viżiv – MDA

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) għamlet referenza għall-binja f’Marsalforn fejn sid ta’ wieħed mill-postijiet mibnija tella’ livell ieħor fuq il-post tiegħu. Dan ħoloq diżlivell fil-bini għax il-bqija tal-binja baqgħet bl-ammont oriġinali ta’ sulari, iżda jidher li dan mhux kontra l-liġi.

L-MDA saħqet li meta dan it-tip ta’ żvilupp jingħata permess li jsir iħalli impatt fuq id-dehra tal-inħawi. Apparti minn hekk l-MDA qalet li dan ibiddel kompletament id-disinn tal-iżvilupp oriġinali. F’dan id-dawl, l-MDA spjegat kif ma taqbilx mal-fatt li l-Awtorità tal-Ippjanar ma tikkunsidrax l-effett viżiv li jħalli żvillup ta’ din ix-xorta fuq il-bqija tat-triq.

Għal dawn ir-raġunijiet l-MDA qalet li se tkun qed tagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet biex jagħmlu t-tibdiliet li hemm bżonn isiru biex żviluppi ta’ din ix-xorta ma jibqgħux jiġu approvati. L-MDA qalet ukoll li trid tiżgura li xi żidiet jew tibdiliet fil-faċċati tal-binjiet jiġu approvati biss jekk ikun applikat approċċ aktar ħolistiku bil-għan li jippreveni milli jkerrah aktar il-lokalità.