Ir-Reġistru tal-Artijiet b’xi bidliet minħabba l-coronavirus

Fid-dawl tal-miżuri li ħabbar il-Gvern, is-servizz offrut mill-Uffiċċju tar-Reġistrar tal-Artijiet se jibqa’ jingħata, iżda l-individwi li għandhom bżonn jagħmlu użu mil-Land Registry site-plan, għandhom jaċċessaw is-sit elettroniku u jordnaw din l-istess pjanta. Din il-pjanta mitluba mbagħad tintbgħat bil-posta fi żmien jumejn.

Min-naħa l-oħra, kull min għandu applikazzjonijiet jew riċerka li jrid jissottometti, dawn għandhom jitpoġġew ġo envelopp u jitħallew fil-post indikat fir-reception. Ir-risposti jinġabru mill-istess post, wara li dawn jiġu pproċessati.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat stqarr li l-pubbliku huwa mħeġġeġ sabiex jagħmel użu mis-servizzi online, fejn dan hu possibbli. Dawn il-miżuri qed jittieħdu sabiex jiġi evitat kuntatt dirett, u titnaqqas il-possibbiltà li npoġġu f’riskju s-saħħa tal-ħaddiema involuti. Għaldaqstant, diġà ġie deċiż li numru ta’ ħaddiema jkomplu bl-operat tagħhom minn djarhom.

Fil-każ ta’ kjarifiċi jew mistoqsijiet rigward reġistrazzjoni jew informazzjoni fuq proprjetà f’Malta, wieħed jista’ jibgħat messaġġ fuq l-email: enquirieslandregistry@gov.mt. Mistoqsijiet li jirrigwardjaw proprjetà f’Għawdex għandhom isiru fuq l-email: enquirieslandregistrygozo@gov.mt.

Dawn il-miżuri se jibqgħu fis-seħħ sakemm ikun ikkommunikat mod ieħor.