L-Awtorità tal-Artijiet b’direct orders mhux approvati – Awditur Ġenerali

L-Awtorità tal-Artijiet tat numru ta’ direct orders mingħajr l-approvazzjoni mandatorja mill-Ministeru għall-Finanzi. Dan ħareġ fir-rapport annwali tal-Awditur Ġenerali dwar il-Kontijiet Pubbliċi għas-sena 2019.

Fir-rapport ġie spjegat kif l-Awtorità tal-Artijiet ġiet imwaqqfa fi Frar tal-2017 bil-għan li tippromwovi u tagħmel l-aħjar użu mill-proprjetà immobbli tal-gvern u sabiex tassigura proċess ekwitabbli biex tinkiseb xi art għall-użu pubbliku.

X’kellu xi jgħid l-Awditur Ġenerali fuq l-Awtorità tal-Artijiet ?

L-Awditur Ġenerali sab li kien hemm diversi drabi fejn is-servizzi meħtieġa ġew mixtrija direttament mis-suq miftuħ mingħajr l-approvazzjoni tal-Ministeru. Dan seħħ f’dawn il-każi:

  • Każ ta’ konsulenza għar-riżorsi umani, fejn l-Awtorità tal-Artijiet daħlet f’kuntratt għal sentejn, li jista’ jiġġedded għal sentejn oħra bi spiża annwali ta’ €40,000 (VAT mhux inkluża). Sa Ġunju tal-2020 meta din ir-reviżjoni kienet għadha għaddejja, kienet diġà ġiet imħallsa s-somma ta’ €77,055 (VAT mhux inkluża) għas-servizz provdut.
  • Każ ta’ servizzi legali, fejn il-Ministeru għall-Finanzi approva lid-Diviżjoni tal-Proprjetà tal-Gvern (kif kienet imsejħa qabel ma saret l-Awtorità tal-Artijiet) biex jidħol f’kuntratt ta’ 10 xhur għall-proviżjoni ta’ servizzi legali bi spiża ta’ €2,500 fix-xahar. Kif skada l-kuntratt f’Jannar tal-2018, ġie ffirmat addendum fuq il-ftehim oriġinali mingħajr l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.
  • F’Diċembru tal-2018, l-Awtorità reġgħet iffirmat ftehim ta’ konsulenza għal sena oħra b’żieda fil-prezz fix-xahar ta’ €3,319 (VAT mhux inkluża). Mill-bidu ta’ dan il-ftehim sa Ġunju tal-2020, kienet diġà tħallset is-somma ta’ €59,736 (VAT mhux inkluża) għas-servizz provdut.
  • L-istess ġara fil-każ tas-servizzi ta’ sigurtà, fejn kien inħareġ tender dipartimentali mid-Diviżjoni tal-Proprjetà tal-Gvern u sar ftehim permezz ta’ kuntratt fl-2015 għal sena, bil-possibilità li jiġi estiż għal 12-il xahar sa Ġunju tal-2017. Madanakollu, l-Awtorità baqgħet tirċievi s-servizzi skont il-ftehim skadut sa Marzu tal-2020. Il-pagamenti minn meta skada l-kuntratt sal-aħħar fattura (invoice) ammontaw għas-somma ta’ €196,709.

L-Awditur Ġenerali saħaq li meta ma jiġux segwiti r-regolamenti tax-xiri jkun hemm kompetizzjoni li mhijiex ġusta ma’ fornituri potenzjali oħrajn. Għalhekk, xiri b’direct order għandu jkun limitat u jsir biss f’każijiet ta’ bżonn. F’dawn il-każijiet, xorta waħda għandu jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi. L-NAO ta l-parir li meta jingħata servizz b’kuntratt, għandu dejjem ikun hemm ftehim validu u jekk isir xi tibdil għandu jiġi dokumentat permezz ta’ addendum iffimat miż-żewġ partijiet.

X’kienet ir-risposta tal-Awtorità tal-Artijiet?

L-Awtorità tal-Artijiet qablet mar-rakkomandazzjonijiet li għamel l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) u saħqet li se tipprova tassigura li jiġu segwiti r-regolamenti tax-xiri. Kien għalhekk li talbet lid-Direttur tad-Dipartiment tal-Kuntratti sabiex jipprovdi t-taħriġ neċessarju lill-ħaddiema tiegħu.

Fil-każ tal-konsulenza tar-riżorsi umani, l-Awtorità saħqet li ħadet is-servizz b’direct order minħabba l-urġenza u n-natura kunfidenzjali tas-servizz li kien meħtieġ. Intant, bdiet il-proċess sabiex bejn Lulju u Settembru tal-2021, jiġi maħtur senior manager fuq bażi permanenti.

Dwar is-servizzi legali, l-Awtorità qalet li huwa importanti fil-ħidma tagħha li ddaħħal avukati esterni f’każijiet pendenti u oħrajn ġodda fil-qorti. Intant, l-Awtorità diġà ppreparat sejħa ta’ interess għal servizz legali professjonali li tinsab f’idejn id-Dipartiment tal-Kuntratti għall-approvazzjoni.

Fil-każ tas-servizzi ta’ sigurtà, l-Awtorità tal-Artijiet sostniet li dan kien każ iżolat u li kienet ittieħdet azzjoni f’Settembru tal-2019 sabiex jitwaqqaf il-kuntratt iżda jipprovdu biss gwardjan tas-sigurtà wieħed li kien meħtieġ b’mod urġenti.

L-Awtorità tal-Artijiet bi ħsiebha toħloq maniġment tal-kuntratti li jibda jiffunzjona lejn tmiem din is-sena.