L-Awtorità tad-Djar għandha tiġbor €609,000 f’kera

L-Awtorità tad-Djar għandha tiġbor mingħand inkwilini tagħha €160,243.74 kirjiet b’lura li tagħhom hi s-sid, kif ukoll €449,101.82 kirjiet b’lura ta’ propjetà li ġiet trasferita fuqha u ta’ propjetà oħra li għadha qed tiġi trasferita fuqha mid-Dipartiment tal-Artijiet. Fil-każ ta’ dan tal-aħħar, il-kirjiet għadhom qed jitħallsu lid-Dipartiment tal-Artijiet.
Il-Ministru responsabbli mis-Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia, qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Clyde Puli.
Filwaqt li ċaħad li kien hemm xi direttiva biex l-awtorità ma tibqax titlob kera lill-inkwilini li waqgħu lura milli jħallsu l-kera, qal li l-awtorità qed tibgħat diversi ittri lil dawn l-inkwilini biex iħallsu l-arrettrati u qed tiltaqa’ ma’ dawk li jibqgħu ma jħallsux bit-tama li tinstab soluzzjoni.
Il-Ministru Farrugia fakkar li s-somom ta’ flus “kważi kollha ilhom pendenti minn żmien l-amministrazzjoni preċedenti”.