L-Awtorità għall-Konsumatur b’appell dwar l-użu tal-gass fid-djar

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ġibdet l-attenzjoni lill-pubbliku dwar il-provvista tal-gass domestiku f’Malta. Fi stqarrija spjegat li dan huwa tat-tip LPG, jiġifieri jkun taħlita ta’ butan u ta’ propan.

Qalet li riċentament sabet każi fejn ir-regolaturi għall-gass maħsuba biss għall-butan qed jinbigħu flimkien ma’ heater tal-gass jew tal-BBQs. L-awtorità sostniet li l-konsumaturi li qed jużaw regolaturi maħsuba għall-butan biċ-ċilindri tal-gass domestiċi għandhom jieqfu jużawhom b’mod immedjat.

L-istqarrija talbet sabiex ir-regolaturi tal-butan jiġu rritornati lill-bejjiegħa minn fejn inxtraw. It-tip ta’ regolatur tal-gass hu indikat fuq il-pjanċa li tinsab fuq in-naħa ta’ fuq tar-regolatur.

Jekk għandek mistosqijiet dwar dan, tista’ tikkuntattja lill-MCCAA fuq marketsurveillance@mccaa.org.mt.