L-Awtorità għal Għawdex tgħaddi mill-Parlament

Read in English.

L-abbozz tal-liġi biex titwaqqaf l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) għadda mill-aħħar stadju tal-Parlament hekk kif ingħalaq l-istadju tat-tielet qari. Dan hekk kif ma ntalabx division biex dan l-att isir vot fuqu.

Il-Ministeru għal Għawdex fi stqarrija qal li jemmen li dan huwa pass importanti fl-iżvilupp reġjonali ta’ Għawdex li għandu jitqies bħala wieħed storiku.

Dan għalkemm il-Gvern ma laqax emendi li saru mill-Oppożizzjoni biex primarjament din l-Awtorità tkun aktar rappreżentattiva u ma tibqax taħt il-kontroll assolut tal-Ministru għal Għawdex.

Għadu mhux magħruf min se jkunu l-persuni li l-Ministru se taħtar biex iservu fuq din l-Awtorità.

L-Oppożizzjoni kienet iddikjarat li hija kontra dan l-abbozz minħabba li skont il-Partit Nazzjonalista din l-Awtorità hija meqjusa bħala għodda oħra ta’ kontroll f’idejn il-Ministru għal Għawdex mingħajr indipendenza.

AQRA: L-Awtorità għal Għawdex ikkontrollata mill-Gvern – il-PN

Il-kelliem tal-PN għal Għawdex Chris Said kien stqarr li “l-Gvern ħass li l-Oppożizzjoni m’għandhiex tkun rappreżentata fuq din l-Awtorità”. Said qal li din l-Awtorità mhux biss hija appuntata mill-Gvern iżda hija kkontrollata mill-Gvern u ma għandha l-ebda poteri eżekuttivi.

Dan l-abbozz kien qajjem reazzjonijiet negattivi fost l-imsieħba soċjali Għawdxin primarjament min-negozji Għawdxin. Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija kienet qalet li l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ma laqgħetx proposta li saritilha dwar ir-rappreżentazzjoni fuq il-Bord.

AQRA: Ma tintlaqax il-proposta tan-negozji Għawdxin fl-Awtorità l-ġdida

Is-settur tat-turiżmu kien xettiku wkoll dwar dan l-abbozz. Għalkemm l-ewwel reazzjoni għall-Awtorità l-ġdida dwar Għawdex tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu kienet waħda pożittiva, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Joe Muscat qal ma’ Newsbook.com.mt li “huma jħossu li għandu jkun hemm rappreżentanza turistika diretta fuq il-bord” tal-Awtorità.

AQRA: It-turiżmu f’Għawdex mhux irrappreżentat dirett fl-Awtorità l-ġdida

Intant, il-Gvern fi stqarrija qal li permezz tal-Awtorità se jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali f’Għawdex biex jiġi żgurat li Għawdex ikollu “strateġija ta’ żvilupp reġjonali li tiġi riveduta biex il-qafas ekonomiku, soċjali u ambjentali ta’ Għawdex ikun kontinwament aġġornati għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu u l-opportunitajiet li jinħolqu”.