L-Awtorità għal Għawdex ikkontrollata mill-Gvern – il-PN; Il-Ministru ma tweġibx

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Awtorità l-ġdida għal Għawdex li ġiet imwaqqfa f’Novembru li għadda “hija kollha kemm hi kontrollata mill-Gvern.”

Min-naħa tagħha il-Ministru għall-Għawdex Justyne Caruana ma weġbitx diversi mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt.

Il-kelliem tal-PN għal Għawdex Chris Said stqarr dan filwaqt li qal li “l-Gvern ħass li l-Oppożizzjoni m’għandhiex tkun rappreżentata fuq din l-Awtorità”. Said qal li din l-Awtorità mhux biss hija appuntata mill-Gvern iżda hija kkontrollata mill-Gvern u ma għandha l-ebda poteri eżekuttivi. Huwa spjega li għall-Partit Nazzjonalista kien ikun ferm aħjar li kieku l-Gvern għażel li jifforma Kunsill Reġjonali iffurmat mill-Għawdxin, magħżula mill-Għawdxin u “li jaħdem biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin”.

Il-Ministru għal Għawdex ma tweġibx

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ma weġbitx għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar l-abbozz li ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern f’Novembru li għadda. Minkejja għadd ta’ mistoqsijiet, il-kelliem tal-Ministru qal li “għall-ewwel darba, Għawdex ser ikollu awtorità mwaqqfa b’liġi li ser tiggarantixxi l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-iżvilupp reġjonali għal Għawdex.”

Huwa naqas milli jwieġeb mistoqsijiet dwar il-poteri eżekuttivi tal-Awtorità u dwar l-infurzar imsemmi fil-liġi li issa se jaqa’ taħt l-Awtorità l-ġdida. Ma rreaġixxix lanqas għal dak li qalu rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu. It-tnejn li huma stqarru li mhumiex rappreżentati direttament f’din l-Awtorità.

Il-Ministru Justyne Caruana waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni li saret fil-Ministeru għal Għawdex

Kunsill Reġjonali li jkollu finanzjament indipendenti – PN

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li flok l-Awtorità li ħoloq il-Gvern, għandu jkun hemm Kunsill Reġjonali indipendenti li jaħseb għal rasu anke finanzjarjament.

Saħaq li l-PN jemmen fil-prinċipju tas-sussidjarjetà u għalhekk ippropona li l-kunċett ta’ Għawdex Reġjun jiġi inkluż fil-Kostituzzjoni. Stqarr ukoll li flok Awtorità, għandha tigi ppreżentata liġi li twaqqaf Kunsill Reġjonali li jkun elett mill-Għawdxin, li jkollu poteri eżekuttivi dwar dak li għandu x’jaqsam ma’ Għawdex u l-iżvillupptiegħu kif ukoll li l-istess liġi taħseb għal finanzjament tal-istess Kunsill Reġjonali li ma jkunx jiddependi mill-Gvern tal-ġurnata.

X’inhuma l-funzjonijiet tal-Awtorità l-ġdida?

L-abbozz ta’ liġi jsemmi li l-għan primarju tal-Awtorità hu li tikkonsulta mal-Gvern, is-settur privat, korpi kostitwiti, u organizzazzjonijiet mhux governattivi, u ċittadini dwar l-istrateġija tal-iżvilupp reġjonali għal Għawdex.

Tagħti r-rakkomandazzjonijiet  tagħha  dwar  it-twaqqif tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet ta’ Għawdex u dwar diskussjonijiet li għandhom jiġu suġġeriti lill-Kumitat la darba jitwaqqaf.

L-Awtorità se jkollha wkoll il-pussess u  tamministra  l-implimentazzjoni  tal-istrateġija  għall-iżvilupp  reġjonali li jrid jiġi approvat mill-Ministru.