“L-awtiżmu ma tistax toħroġ minnu bit-talb”

Il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu kkritika b’mod aħrax programm li xxandar fuq l-istazzjoni F-Living Channel li b’xi mod allega li bit-talb wieħed jista’ “jfejjaq” bniedem bl-awtiżmu.

Il-Kunsill spjega li waqt il-programm partikolari, kienet diskussa l-istorja ta’ tifel li allegatament kien “imfejjaq mill-awtiżmu”. Il-Kunsill sostna li waqt li jibqa’ newtrali dwar it-twemmin fir-reliġjon u t-talb, il-Kunsill ġibed l-attenzjoni li m’hemm xejn x’jitfejjaq fejn jidħol l-awtiżmu għax l-awtiżmu mhux marda.

Aqra: Kampanja fl-Università biex tqajjem kuxjenza dwar l-awtiżmu

Kompla billi spjega illi l-awtiżmu huwa differenza newroloġika li tibqa’ ma’ bniedem matul ħajtu, huwa ħaġa waħda mal-identità ta’ persuna u mhux xi ħaġa li tista’ toħroġ minnha la biż-żmien u lanqas bit-talb. Ġie spjegat li meta persuna bl-awtiżmu tagħmel manifestazzjoni fl-imġieba, ħafna drabi tkun qed tirreaġixxi bħala persuna li qed tipprova tkampa f’dinja li mhix aċċessibbli għaliha. Din teħtieġ bidla fil-fehma u fl-approċċ ta’ dawk responsabbli mill-ambjenti soċjali li t-tfal jinsabu fih.

Il-Kunsill tenna li jekk persuna tmexxi ‘l quddiem l-idea li l-awtiżmu huwa xi ħaġa li tista’ tkun ikkurata, tkun qed tmexxi idea żbaljata dwar l-awtiżmu u tkun ta’ disservizz għall-persuni li jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu u għall-membri tal-familja tagħhom. Intant appella għall-Awtorità tax-Xandir sabiex tieħu passi fuq din il-kwistjoni skont il-liġi u tiżgura rappreżentazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà fuq il-bord tagħhom, skont sejħiet li saru aktar kmieni f’dan ir-rigward.

Aqra: “Indur il-parroċċi biex ngħin it-tfal bl-awtiżmu”

“Insult għall-assoċjazzjoni u l-ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu”

Intant, l-Assoċjazzjoni tal-Awtiżmu tal-Ġenituri qalet li dak li ntwera waqt il-programm Il-Verita ta’ Phyllisienne Brincat huwa insult għall-assoċjazzjoni u l-ġenituri kollha, filwaqt li ħeġġew lil dawk involuti sabiex iġibu l-fatti kif inhuma. Appellat sabiex fil-futur tintuża riċerka bbażata fuq l-evidenza u minn professjonisti kwalifikati u mhux filmat minn Youtube li jmur lura għas-sena 2013.

Intant, l-assoċjazzjoni talbet għal apoloġija lill-mijiet ta’ familji li ġew offiżi minn dak li ntqal waqt dan il-programm.