L-Awstrija twaqqaf l-ispezzjonijiet għall-coronavirus mal-fruntieri kollha barra minn mal-Italja

Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Awstrijak Alexander Schallenberg liebes maskra protettiva waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet ġewwa Vjenna fl-Awstrija nhar it-3 ta’ Ġinju 2020. REUTERS/Leonhard Foeger.

Read in English.

L-Awstrija għadha kemm iddeċidiet li tneħħi r-restrizzjonijiet kollha marbuta mal-coronavirus li kienu fis-seħħ mal-fruntieri tal-pajjiżi ġirien tagħha, bl-eċċezzjoni tal-Italja, minn nhar il-Ħamis, skond kif tħabbar mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Awstrijak Alexander Schallenberg.

L-Awstrija għandha tmien pajjiżi jmissu magħha u diġà laħqet ftehim mal-Iżvizzera, il-Ġermanja u Liechtenstein li nhar il-15 ta’ Ġunju, it-tlett pajjiżi se jiftħu l-fruntieri li għandhom bejniethom. Issa għaddejja ħidma sabiex l-Awstrija tneħħi l-ispezzjonijiet fuq il-fruntieri tagħha mas-Slovakkja, is-Slovenja, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija.

“B’hekk, fejn għandhom x’jaqsmu dawn il-pajjiżi, se nerġgħu lura għas-sitwazzjoni normali li kellna qabel ma faqqgħet il-pandemija,” qal il-Ministru Schallenberg waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet.

Dan kollu tħabbar ftit wara li l-Ġermanja kienet għadha kemm ħabbret li kienet se terġa’ tiftaħ il-fruntieri tagħha mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea mill-15 ta’ Ġunju dejjem jekk fl-istess pajjiżi ma jkunx hemm restrizzjonijiet jew lockdowns fuq skala kbira – b’hekk dan għandu jiffaċilita aktar moviment ħieles fi żmien il-btajjel tas-sajf.

“Fir-rigward tal-Italja sfortunatament, iċ-ċifri tal-pandemija f’dan il-pajjiż għadhom mhumiex tali li nistgħu inqisuha bl-istess mod. U hawnhekk nisħaq li din hija biss xi ħaġa temporanja,” qal Schallenberg filwaqt li tenna li l-ħsieb huwa li r-restrizzjonijiet fuq il-fruntiera mal-Italja jitneħħew malajr kemm jista’ jkun.

F’Ruma, il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Taljan Luigi Di Maio qal li l-Italja, li fetħet il-fruntieri tagħha nhar l-Erbgħa, qed tistenna trattament reċiproku mill-pajjiżi ġirien tagħha u saħqet li kwalunkwe soluzzjoni “individwalista” minn pajjiżi differenti, kapaċi tirrifletti b’mod negattiv fuq l-Unjoni Ewropea.

“Aħna konna tal-ewwel li ġejna milqutin b’din il-pandemija u llum iċ-ċifri li qed niksbu, qed jagħtuna iżjed ċertezza u serħan il-moħħ minn dawk ta’ pajjiżi oħrajn,” qal Di Maio waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet mal-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Franċiż Jean-Yves Le Drian.

Huwa qal li kien tkellem ma’ Schallenberg u li ż-żewġ naħat kienu qablu li l-Ministeri tas-Saħħa taż-żewġ pajjiżi se jkunu qed iħarsu lejn iċ-ċifri epidemjoloġiċi reġistrati fl-Italja.

“Se nkomplu naħdmu sabiex niżguraw li bejn illum u l-15 ta’ Ġunju, dawk  id-diffikultajiet kollha li b’xi mod imorru kontra l-ispirtu Ewropew, se jkunu solvuti.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn