L-Awstrija tisħaq li l-ftuħ tal-ħwienet ma żiedx l-infezzjonijiet tal-coronavirus

Roland Schlager/Pool via REUTERS

Read in English.

L-ewwel pass li wettqet l-Awstrija meta tliet ġimgħat ilu bdiet tnaqqas il-lockdown fejn eluf ta’ ħwienet reġgħu bdew jiftħu, ma wassal għall-ebda żieda f’infezzjonijiet, għalkemm tibqa’ l-ħtieġa li jkompli jkun hemm għassa, qal il-Ministru tas-Saħħa nhar it-Tlieta.

L-Awstrija ħadet azzjoni minn kmieni sabiex tilqa’ għall-pandemija billi minnufih għalqet bars, ristoranti, skejjel, teatri, ħwienet mhux essenzjali u postijiet pubbliċi oħra sebgħa ġimgħat ilu. Dan għen biex ir-rata ta’ kuljum taż-żieda ta’ infezzjonijiet inżammet għal inqas minn 1% biex b’hekk ir-rata ta’ mwiet baqgħet waħda relattivament baxxa – 606 mewta irrappurtati s’issa.

Imħeġġa minn dawn iċ-ċifri, nhar l-14 ta’ April, l-Awstrija kienet waħda mill-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li bdiet tirrilassa l-lockdown, fejn bdew jiftħu ħwienet ta’ DIY u ċentri tal-ġardinaġġ kif ukoll ħwienet mhux akbar minn 400 metru kwadru – id-doppju ta’ tennis court.

“Issa nistgħu nistħarrġu l-effetti ta’ l-14 ta’ April u tal-ġranet ta’ wara verament sew u nistgħu ngħidu li rnexxielna nikkontrollaw dan l-ewwel pass b’mod eċċellenti,” qal il-Ministru tas-Saħħa Rudolf Anschober f’konferenza ta’ l-aħbarijiet.

“M’għandna l-ebda indikazzjoni ta’ xi żieda fil-każi f’xi żoni individwali. Is-sitwazzjoni tibqa’ waħda kostanti, stabbli ħafna u din inqisuha bħala sitwazzjoni tassew tajba u pożittiva,” kompla qal il-Ministru.

Ir-rata taż-żieda ta’ infezzjonijiet kuljum, żied jgħid, hija ta’ 0.2%.

Iċ-ċifri kurrenti ma jirriflettux l-impatt ta’ l-isforzi aktar riċenti mill-1 ta’ Mejju ‘l hawn meta parrukkiera, fornituri oħra ta’ servizzi u ħwienet ta’ aktar minn 400 metru kwadru tħallew jerġgħu jiftħu. Huwa ppjanat li ristoranti, bars, mużewijiet u lukandi se jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jiftħu aktar tard dan ix-xahar. 

Anschober u l-Ministru għall-Intern Karl Nehammer ħeġġew lill-pubbliku sabiex ikomplu jħarsu r-regoli tad-distanza soċjali u jimxu mal-ħtieġa li jintlibsu l-maskri tal-wiċċ fil-ħwienet, fuq it-trasport pubbliku u f’binjiet tal-Gvern.

“Ir-responsabbiltà u d-dixxiplina personali jibqgħu l-iktar ħaġa importanti għaliex jekk għandu jkun hemm it-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet, din m’għandhiex titħalla ssir tsunami,” qal Nehammer. 

Huwa w jitkellem dwar l-inċertezza li għad hemm dwar kif din il-pandemija qegħda tiżviluppa, il-Ministru tal-Finanzi Gernot Bluemel qal li probabbilment mhux se jkun possibbli li jiġi vvalutat l-impatt fuq l-ekonomija qabel il-ħarifa. 

Huwa tenna wkoll li bħalissa qiegħed fil-proċess li jikseb il-baġit approvat mill-parlament.

“Bħalissa ħaġa waħda hija ċara: li xejn m’hu ċar u s-sitwazzjoni trid tiġi evalwata mill-ġdid kuljum. U irrispettivament miċ-ċifri li fuqhom qed nibbażaw dan il-baġit, dawn mhux neċessarjament se jkunu biżżejjed,” qal Bluemel f’dikjarazzjoni.

Huwa ħeġġeġ lil-leġislaturi sabiex japprovaw il-baġit kemm jista’ jkun malajr b’mod li jkun żgurat li l-ministeri jibqgħu finanzjati sew.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn