L-Awstrija se jkollha Gvern b’partit mil-lemin estrem

L-Awstrija tista’ tkun l-ewwel pajjiż fil-Punent tal-Ewropa li jkollha partit mil-lemin estrem bħala partit mit-tmexxija tal-Gvern tal-pajjiż.
Dan hekk kif il-Partit tal-Poplu, partit konservattiv li xahrejn ilu rebaħ l-elezzjoni billi ġab l-aktar voti iżda mhux il-maġġoranza assoluta, laħaq ftehim ta’ koalizzjoni ma’ dan il-partit mil-lemin estrem, il-Partit tal-Ħelsien, sabiex jiġi ffurmat gvern ta’ koalizzjoni b’maġġoranza assoluta.
Sabiex il-koalizzjoni sseħħ, jonqos biss li tiġi rratifikata.
Sebastian Kurz ta’ 31 sena, il-mexxej tal-Partit tal-Poplu, mistenni għalhekk ikun l-iżgħar mexxej fid-dinja li f’idu għandu t-tmexxija ta’ ġvern ta’ pajjiż.
Kurz u Heinze-Christian Strache, il-mexxej tal-Partit tal-Ħelsien, ma tawx aktar informazzjoni dwar kif se tkun qed topera l-koalizzjoni. Qalu biss li se jinfurmaw uffiċjalment l-ewwel lill-President tal-pajjiż, Alexander Van der Bellen illum, imbagħad aktar tard lill-partiti rispettivi tagħhom.
Iż-żewġ partiti flimkien kienu diġà mexxew gvern Awstrijak bejn l-2000 u l-2005.
Il-kampanja elettorali ta’ xahrejn ilu kienet ikkaratterizzata mid-diskors dwar l-immigrazzjoni, bil-partit ta’ Kurz, li spiċċa rebaħ l-aktar voti, jitkellem qaitgħ fuqha, u kien wiegħed li jagħlaq ir-rotot tal-migrazzjoni, jagħmel limitu ta’ kemm jistgħu jirċievu benefiċċji r-refuġjati, kif ukoll ma jagħtihom xejn qabel jagħlqu 5 snin fikl-pajjiż.
Ironikament, dakinhar il-mexxej tal-Partit tal-Ħelsien, li issa ftiehem li jingħaqad ma’ Kurz, kien għajjar lil dan “impostur”, għax skontu kien seraqlu l-proposti tal-partit tiegħu.