L-Awstraljani jivvutaw biex jagħzlu Gvern ġdid

Eluf ta’ votanti Awstraljani qed jivvutaw wara kampanja elettorali ta’ ħames ġimgħat li fiha l-Prim Ministru Kevin Rudd kellu jaffaċja lill-Kap tal-Oppozizzjoni Tony Abbott li huwa l-favorit li jerbaħ l-elezzjoni ġenerali.

Fl-aħħar ftit jiem tal-kampanja elettorali, stħarriġ tal-opinjoni pubblika, wera li l-partit ta’ Abbott għandu biżżejjed maġġoranza biex jegħleb lill-Partit Laburista Awstraljan wara sitt snin fil-Gvern.

Il-Prim Ministru Rudd reġa’ ħa lura l-poter wara li ftit inqas minn tliet xhur ilu rebaħ lill-Eks Prim Ministru Julia Gillard waqt l-elezzjoni għall-kap ġdid tal-Partit Labursita.

Stħarriġ pubbliku wera li wara li Rudd sar Prim Ministru, naqas id-distakk bejn il-partiti, imma jidher li l-Partit ta’ Tony Abbott baqa’ jgawdi l-maġġoranza. Minkejja kollox fl-aħħar ftit tal-kampanja elettorali, Rudd baqa’ jinsisti li se jibqa’ “jiġġieled sal-aħħar.”

Ir-riżultat tal-elezzjoni mistenni li joħroġ aktar tard matul il-ġurnata.