
L-Awstraljani qed jirrikorru għal adozzjoni tal-annimali minħabba li qed jiddejqu d-dar waħedhom f’dan il-perjodu tal-imxija tal-coronavirus.
Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, Chris Moysa, għalliem f’Sydney, qal li din l-imxija tfisser ġranet twal id-dar bla ebda kumpanija. Għaldaqstant bħala ħafna Awstraljani oħra, Moysa m’għadux waħdu għax adotta qattus bl-isem ta’ Fred.
“Il-kumpanija importanti, il-fatt li hemm xi ħaddieħor fid-dar, li jġiegħlek titbissem fost affarijiet oħra…”, qal Moysa lil Reuters. Żied jgħid kemm l-imħabba tagħhom hija bla kundizzjoni.
Il-miżuri ta’ distanzi soċjali għenu biex l-imxija tal-coronavirus fl-Awstralja ma komplietx tinfirex, tant li r-rata ta’ każijiet ġodda naqset b’żewġ terzi f’ġimgħa. Madanakollu għadd ta’ persuni spiċċaw waħedhom.
Steve Coleman, il-Kap Eżekuttiv tas-Soċjetà għall-Prevenzjoni ta’ Moħqrija tal-Annimali fi New South Wales, qal li ħafna rrikorrew għal adozzjonijiet tal-annimali. Stqarr li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien hemm żieda ta’ 300% fl-adozzjonijiet.