L-Awstralja se tkeċċi 2 diplomatiċi Russi; tista’ tiġi affettwata t-Tazza tad-Dinja

L-Awstralja għadha kif ingħaqdet mal-azzjonijiet kontra r-Russja hekk kif mistennija tkeċċi żewġ diplomatiċi Russi wara l-avvelenar tal-eksspija Russu fir-Renju Unit, Sergei Skripal.
Dan kien ikkonfermat mill-Prim Ministru Awstraljan, Malcolm Turnbull illum.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Awstralja, Julie Bishop qalet li hemm ċans li jittieħdu azzjonijiet oħra bħall-ibbojkottjar tat-Tazza tad-Dinja li se ssir fir-Russja.
It-tkeċċijiet ġew biss ftit tas-sigħat wara li lbieraħ, l-Istati Uniti keċċiet mas-60 diplomatiku, li jkollhom iġorru bil-familji b’kollox. Dan sar ukoll minn numru ta’ pajjiżi Ewropej oħra, inklużi l-Ġermanja, Franza, l-Ukrajna u xi pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
S’issa total ta’ 100 diplomatiku Russu se jintbagħat lura pajjiżu b’familtu b’kollox, u din se tinżel fl-istorja bħala l-ikbar tkeċċija ta’ diplomatiċi Russi mill-Punent mill-Gwerra l-Bierda.
Sergei u bintu Yulia Skripal instabu mitlufin minn sensihom f’Salisbury fl-4 ta’ Marzu li għaddew, wara li ġew f’kuntatt ma’ kimika organika li jkun fiha l-fosfru, li l-effett tagħha hu li tipparalizzalek in-nervituri li jgħaddu l-messaġġi lill-organi fil-ġisem.
Ritratt: Reuters