“L-Awstralja għadha post sabiħ”; Il-PM iħeġġeġ lit-turisti biex imorru xorta

Reuters

Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison ħeġġeġ lit-turisti biex ma jħallux in-nirien li ħakmu l-Awstralja jżommuhom milli jżuru l-pajjiż.

Morrison għamel dan l-appell illum meta żar Kangaroo Island, post li normalment jattira ħafna turisti. Dan il-post inħakem min-nirien darbtejn fil-ġimgħat li għaddew.

Fl-indirizz tiegħu lill-ġurnalisti, Morrison qal, “L-Awstralja miftuħa, l-Awstralja għadha post sabiħ ħafna biex tiġu u ġġibu lil familtkom u tgawdu l-vaganzi. Anke hawn f’Kangaroo Island, fejn tlifna terz tal-gżira. Iż-żewġ terzi l-oħra miftuħin u lesti għall-kummerċ. Importanti li nżommu l-ekonomiji lokali għaddejjin f’mumenti bħal dawn.”

S’issa n-nirien ħadu l-ħajja ta’ 26 persuna. Eluf jinsabu bla dar, u miljuni ta’ annimali mietu b’kawża tan-nirien.