L-Awdituri tal-UE se jeżaminaw il-politika dwar il-broadband

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri se teżamina jekk il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri humiex jagħmlu biżżejjed progress biex jilħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 fil-qasam tal-broadband.
Fi stqarrija l-Kummissjoni Ewropea qalet li l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tal-2010 pprevediet li sal-2013, iċ-ċittadini kollha tal-Ewropa jkollhom aċċess għal broadband bażiku, u li, sal-2020, huma jkollhom kopertura kompleta tal-broadband veloċi, kif ukoll li aktar minn 50 % tal-unitajiet domestiċi jkunu abbonati għall-broadband ultraveloċi sal-2020.
Għalkemm skont il-Kummissjoni, kien hemm titjib fil-kopertura tal-broadband madwar l-UE mill-2011 ’il hawn, is-sitwazzjoni, kemm għall-kopertura tal-broadband fiss kif ukoll għall-abbonamenti, tvarja ħafna fost l-Istati Membri, u bejn iż-żoni urbani u dawk rurali.
Studji li saru mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ewropew tal-Investiment jindikaw li se jkunu meħtieġa sa €270 biljun biex jintlaħqu l-miri għall-broadband għall-2020.
Għaldaqstant l-awdituri se jeżaminaw jekk l-Istati Membri żviluppawx u implimentawx strateġiji xierqa biex jintlaħqu l-objettivi għall-broadband li ġew issettjati mill-Kummissjoni, kif ukoll kemm huwa probabbli li dawn l-objettivi jintlaħqu.
Huma se jeżaminaw ukoll il-punt sa fejn il-Kummissjoni appoġġat u mmonitorjat lill-Istati Membri fl-ilħuq tal-objettivi għall-broadband.