L-Awdituri għadhom jaħsbuha jekk jinvestigawx allegata korruzzjoni ta’ Schembri

FILE PHOTO: Keith Schembri, Chief of Staff in the office of Malta's Prime Minister Joseph Muscat, arrives for a joint news conference between Muscat and President of the European Council Donald Tusk in Valletta, Malta, March 31, 2017. REUTERS/Darrin Zammit Lupi/File Photo

Read in English.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) għadu qed jaħsibha jekk għandux jinvestiga l-allegazzjoni li Keith Schembri kien involut f’korruzzjoni fil-proġett tal-wind farms tal-Enemalta f’Montenegro.

Kelliem għall-NAO qal lil Newsbook.com.mt li l-NAO qed jagħmel “bosta audits u investigazzjonijiet skont il-programm ta’ ħidma” tiegħu.

Mistoqsi dwar jekk l-NAO hux se tinvestiga dan il-proġett tal-Enemalta li qed jaffaċċja akkużi ta’ korruzzjoni, il-kelliem qal li s’issa għadhom ma ħadux deċiżjoni dwar dan.

Keith Schembri huwa l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Ir-reżenja ta’ Schembri tħabbret minn Muscat fis-26 ta’ Novembru. Schembri ġie arrestat u interrogat mill-Pulizija b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Ġie arrestat wara li ssemma minn Yorgen Fenech. Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black li jinsab akkużat li kien kompliċi fil-qtil ta’ Caruana Galizia. Aktar tard Schembri nħeles mill-arrest.

Il-proġett tal-Enemalta ssemma minn Yorgen Fenech waqt li kien qed jiġi interrogat.

Fenech qal li Keith Schembri bagħatlu messaġġi jgħidu “tikxifnix u ngħinek”. Iżda Fenech iddeċieda li jikxef dik li hu sejjaħ il-korruzzjoni dwar l-Electrogas u saħansitra l-windfarms li l-Enemalta bniet fil-Montenegro. Fenech tkellem ukoll dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’dan il-proġett tal-windfarms kien hemm investiment ta’ €90 miljun. Il-proġett ġie inawgurat reċentament.

Għadd ta’ kumpaniji li jaħdmu fis-servizzi finanzjarji qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) ma talbithomx jgħaddulha kull arranġament jew ftehim li għamlu mal-kumpaniji ta’ Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru. Dan bil-kontra ta’ kif sar ma’ Yorgen Fenech.

Jista’ jfisser li l-Aġenzija mhix qed tinvestiga l-kumpaniji tiegħu. Osservaturi qalu li ma jafux għaliex l-FIAU qed tkaxkar saqajha, jew jekk tridx tinvestiga lil Schembri.