​L-Awditur Ġenerali: Titjib sar iżda baqa’ ħafna xi jsir

Rapport tal-Awditur Ġenerali juri li waqt li  hemm diversi rakkomandazzjonijiet li qed jitwettqu, diversi nuqqasijiet għadhom jippersistu f’ċerti dipartimenti u ministeri tal-Gvern.
Fost l-oħrajn isemmi nuqqasijiet fl-osservanza stretta tar-regolamenti tax-xiri tal-Gvern, li n-nefqa tal-Gvern taqbeż kemm-il-darba l-istima tal-baġit u n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni adegwata biex ikun jista’ jagħmel il-verifika meħtieġa.
Ir-rapport annwali tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għas-sena li għaddiet, tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati lbieraħ filgħaxija.
Fl-2016, l-Awditur Ġenerali għamel verifika fuq 22 entità.
Tifħir għall-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir
Ir-rapport jesprimi sodisfazzjon għal mod kif titmexxa l-Korporazzjoni għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir li hija responsabbli għal diversi proġetti kapitali. L-Awditur Ġenerali jgħid li diversi tenders ġew eżegwiti kif suppost.
Nuqqas ta’ kontroll mill-Aġenzija għall-Infurzar Lokali u fix-xiri tal-mediċini
L-Awditur osserva wkoll li l-Gvern baqa’ jitlef ammonti sostanzjali ta’ flus mill-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei għax baqgħu ma nbidlux il-kundizzjonijiet tal-kuntratt li sar fl-2007.
Ir-rapport jgħid li t-taqsima ċentrali għax-xiri tal-mediċini u oġġetti li jintużaw fl-isptarijiet adottat miżuri biex jikkontrollaw l-ispiża, iżda jgħid li l-entitajiet differenti li jużaw dawn il-provvisti mhux qed jinżammu responsabbli biex jikkontrollaw l-ispiża skont il-baġit miftiehem.
L-Awditur jirrapporta wkoll kif l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali wriet nuqqasijiet ta’ kontroll fl-ammonti ta’ ċitazzjonijiet li għandhom jitħallsu.  Iktar minn hekk il-faċilità temporary lifting ta’ ċitazzjonijiet qiegħda f’idejn il-fornituri esterni u l-Aġenzija mhix f’pożizzjoni li toħroġ rapport ta’ dawn il-każijiet.
Nuqqas ta’ kontrolli: Proċess tal-pagi u mill-Kummissjoni tal-Films
Mill-verifika li saret fuq is-servizz tad-detenzjoni ħareġ li ma kienx hemm biżżejjed kontrolli fuq il-proċess tal-pagi filwaqt li l-moniteraġġ fuq ir-riżorsi umani kien skars.
L-Awditur ikkumenta wkoll dwar l-industrija tal-films f’Malta.  Mil-verifika fuq il-Kummissjoni Maltija tal-films instab li m’hemmx kontroll adegwat fuq it-taxxa li trid tinġabar mill-Gvern u dak li jingħata f’rifużjonijiet.
Tista' taqra r-rapport sħiħ hawn taħt: