L-Awditur Ġenerali se jintalab jinvestiga kif inbena Mater Dei

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna se jitlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-każ tal-użu tal-konkrit ħażin fil-bini tal-isptar Mater Dei.
Il-Ministru Scicluna ħabbar dan waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni tal-Gvern.
Qal li din it-talba se ssir wara l-konklużjonijiet li ħarġu mill-inkjesta mmexxija mill-eks-Imħallef Philip Sciberras.
Il-Ministru Scicluna qal li se jagħmel din it-talba nhar it-Tnejn li ġej sabiex l-Awditur Ġenerali jinvestiga l-każ b’mod iżjed wiesa’ u jagħmel analiżi sħiħa mit-tfassil sal-kostruzzjoni tal-isptar.
Enfasizza li din l-investigazzjoni għandha tħares ukoll il-proċess tal-aġġudikazzjoni biex jiġi evalwat jekk il-proċess kienx wieħed trasparenti, l-aspett finanzjarju u kif ġew amministrati l-fondi.
Il-Ministru Edward Scicluna saħaq li l-poplu ma jistax jibqa’ bil-mistoqsija jekk Mater Dei setgħax inbena bi spiża inqas.
Sostna li l-fondi li ntefqu ħażin setgħu intużaw għal skopijiet oħra.