L-Awditur Ġenerali qed jinvestiga l-proposta ta’ power station ġdida – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Awditur Ġenerali qed jinvestiga, fuq talba tal-Oppożizzjoni, il-proposta ta’ power station ġdida.
Fi stqarrija l-PN qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għadda lill-Awditur Ġenerali, kopja ta’ proposta li kien irċieva qabel l-elezzjoni ġenerali għall-bini ta’ power station oħra.
Fl-istqarrija il-PN qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni, fil-Parlament il-ġimgħa l-oħra, qal li “mhemm ebda dubju li l-power station kienet ġiet proposta lill-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali u li dwarha kien hemm ftehim”.
Skont il-PN, l-Awditur Ġenerali qed jinvestiga “l-mod li bih il-Gvern mexa waqt u wara l-għoti tal-kuntratt biex tinbena l-Power Station il-ġdida, kif ukoll il-garanzija statali bla preċedent ta’ €360 miljun biex isir dan il-proġett”.
Reazzjoni Partit Laburista:
F’reazzjoni l-PL  qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ikkonferma li kellu proposta biex jaqleb għall-gass u jraħħas il-kontijiet u m’għamel xejn dwarha.
Staqsa għaliex Simon Busuttil ma tkellimx mal-ewwel anki meta kien hu stess li talab l-investigazzjoni.