L-Awditur Ġenerali mħasseb dwar l-IT fil-Ministeri

F'rapport li ġie ppreżentat lill-Ispeaker, l-Awditur Ġenerali sab diversi nuqqasijiet fl-użu tas-sistemi tal-informativa, kemm f’Kastilja u anke f’diversi Ministeri, biex jiġu identifikati l-ħiliet u l-ħtiġijiet ta’ żvilupp professjonali fis-Servizz Pubbliku.
Ir-rapport, “L-użu ta’ sistemi tal-informatika biex jiġu identifikati l-ħiliet u l-ħtiġijiet ta’ żvilupp professjonali fi ħdan is-Servizz Pubbliku,” ġie ppubblikat wara li l-Awditur Ġenerali stħarreġ is-sitwazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Ministeru għall-Finanzi, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol (MEDE) u l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Fost affarijiet oħra, ir-rapport juri t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-ministeri magħżula f’dan ir-rapport ma jżommux rendikont ta’ dawk l-uffiċjali tas-Servizz Pubbliku fil-Ministeru tagħhom li jkunu attendew korsijiet ta’ taħriġ tant li kull darba jkollhom jirrikorru għand l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi meta jkollhom bżonn din l-informazzjoni.
Ir-rapport jikkonkludi wkoll li l-Ministeru magħżula ma għandhomx approach formali uniformi għall-identifikazzjoni tal-ħiliet li jeħtieġu u lanqas ma għandhom l-għodod adegwati fis-seħħ biex jintlaħaq dan l-għan.
Għalhekk, l-Awditur Ġenerali jinnota li dan il-Ministeri huma limitati fl-abbiltà tagħhom biex jippjanaw għall-futur u jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-kapaċità tal-ħaddiema
Numru ta’ inkonsistenzi ġew osservati wkoll fil-ministeri u dipartimenti magħżula rigward ir-responsabbiltà għall-aġġornament tad-dettalji personali fuq is-sistema tal-HRIMS. Dan jista’ jwassal għal żbalji minħabba dipendenza eċċessiva minn proċessar manwali mill-utenti tas-sistema.
Wara dawn is-sejbiet, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrakkomanda li fi żmien qasir id-Diviżjoni dwar Nies u Standards (PSD) għandha tieħu l-passi neċessarji biex tiżgura standardizzazzjoni akbar fil-proċessi tar-Riżorsi Umani.
Jirrakomanda wkoll li għandhom jittieħdu miżuri neċessarji biex tiġi implimentata sistema ta’ riżorsi umani komprensiva, fuq il-linji tal-management plan intitolat ‘Human Resources and Skills Development Strategic Policy Framework.
Dan ir-rapport huwa aċċessibbli mis-sit elettroniku u l-paġna ta’ Facebook tal-Uffiċċju Nazzjonali tal‑Verifika:www.nao.gov.mt jew www.facebook.com/NAOMalta.