​L-Awditur Ġenerali jiċħad allegazzjonijiet dwar motivazzjoni politika

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara rrifjuta b’qawwa allegazzjonijiet tad-Deputat Laburista Michael Falzon li l-Uffiċċju tiegħu “għandu aġenda politika”.
L-allegazzjoni saret minn Falzon waqt l-aġġornament tal-20 ta’ Diċembru f’reazzjoni għall-pubblikazzjoni mill-Awditur Ġenerali ta’ żewġ rapporti dwar trasferiment ta’ propjetà taħt gvern preċedenti. Sostna fost l-oħrajn li uffiċċjal tal-NAO siefer mad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. L-Ispiker Anġlu Farrugia bagħat it-traskrizzjoni tad-diskors ta’ Falzon lill-Awditur Ġenerali, li wieġeb f’ittra li llum tqiegħdet fuq il-mejda tal-Kamra.
Deguara saħaq li l-NAO ħadem b'mod konsistenti biex jissalvagwardja l-użu ta’ fondi pubbliċi bir-riżorsi a dispożizzjoni tiegħu. Saħaq li ma jistax jifhem għaliex l-integrità tal-uffiċċju qed tiġi attakkata u fisser li dawn l-attakki kienu ta’ detriment għall-Parlament u l-pubbliku ġenerali.
F’ruling mogħti llum l-Ispiker Anglu Farrugia qal li huwa ma setax jinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ Falzon iżda spjega li huwa kiteb lill-Awditur Ġenerali biex jagħmel dan. L-ittra kienet reazzjoni għal din l-istedina.