L-Awditur Ġenerali bi tħassib dwar immaniġġjar ta’ finanzi f’xi kunsilli lokali

Charles-Deguara
Miguela Xuereb

Waqt li 52 Kunsill Lokali bagħat lura lill-gvern l-estimi tan-nefqa vverifikat minn awditur kif meħtieġ mill-liġi, seba’ kunsilli lokali baqgħu ma ssottomettewx dan ir-rapport lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.

L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara kiteb dan fir-rapport ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati dwar il-ħidma tal-Gvern Lokali matul is-sena 2019. Dan ir-rapport ikun ippreżentat kull sena mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifka (NAO).

Sal-aħħar ta’ Settembru 2020, li kien l-aħħar deadline tal-NAO qabel il-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, seba’ Kunsilli Lokali, li huma l-Birgu, Birkirkara, Gżira, Qrendi, San Pawl il-Baħar, Swieqi u x- Xgħajra, kienu għadhom ma ssottomettewx l-estimi tan-nefqa vverifikat minn awditur minkejja li dawn kellhom uffiċjalment jintbagħtu sat-12 ta’ Ġunju 2020. Din is-sena l-NAO estenda d-data tas-sottomissjoni b’erba’ ġimgħat minħabba l-pandemija tal-Covid-19. “Attwalment, 52 Kunsill Lokali, ħames Kunsilli Reġjonali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali rnexxielhom jibagħtuhom sa din l-aħħar data,” kiteb l-awditur ġenerali.

Hemm bżonn titjib

L-Awditur Ġenerali qal li hemm bżonn ta’ titjib f’ċerti oqsma speċifiċi, minħabba li xi nuqqasijiet ġew irrappurtati repetutament f’dawn l-aħħar snin. “Dawn jinkludu monitoraġġ tal-assi fissi mhux adegwat, nuqqas ta’ osservanza tal-proċeduri statutorji ta’ rappurtaġġ, xiri mhux skont ir-regolamenti u kotba tal-kontabilità mhux dejjem aġġornati kif suppost,” qal l-Awditur Ġenerali.

L-Awditur Ġenerali qajjem diversi punti ta’ tħassib:

  • L-Awditur ma setax jesprimi l-opinjoni ta’ verifika tiegħu dwar il-Financial Statements kif preżentati mill-Kunsilli Lokali tal-Kalkara u l-Belt Valletta minħabba nuqqas ta’ rekords finanzjarji u dokumentazzjoni oħra;
  • L-Audit Reports ta’ 45 Awtoritajiet Lokali oħra ġew ikkwalifikati minħabba li ma kienx hemm evidenza suffiċjenti. Dan ifisser li l-Awditur Ġenerali jkollu riżervi dwar kemm huma ta’ min jorbot fuqhom dawn ir-rapporti.
  • 11-il Kunsill Lokali rrapportaw Working Capital negattiv. Dan ifisser li dawn il-Kunsilli mhux se jkunu jistgħu jlaħħqu mal-obbligi finanzjari tagħhom fil-futur qrib;  
  • 10 awtoritajiet lokali ma ssottomettewx ir-risposta tagħhom għall-Management Letter sal-aħħar ta’ Settembru 2020.