Se jkun emendat l-avviż legali dwar il-pubblikazzjoni ta’ min jingħata ċ-ċittadinanza

Read in English.

Il-Gvern ħabbar li se jkun qed jemenda l-avviż legali li jippermetti lill-Ministru jżomm milli jippublika ismijiet ta’ persuni li jkunu kisbu ċ-ċittadinanza jekk tinħass il-ħtieġa f’każi straordinarji.

It-Tlieta Newsbook.com.mt ippublika artiklu li jgħid li dan l-avviż legali nħareġ fil-ġimgħat li għaddew, eżattament fit-30 ta’ Novembru.

L-avviż legali jgħid li kull sena, il-Ministru għandu jippubblika fil-Gazzetta tal-Gvern l-ismijiet tal-persuni li fis-sena ta’ qabel ikunu ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija permezz tar-reġistrazzjoni jew b’mod naturali, inklużi dawk li jieħdu ċ-ċittadinanza b’servizzi eċċezzjonali skont ir-regolamenti. Madankollu, għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-Ministru jista’ jagħżel li ma jippubblikax l-ismijiet ta’ dawn il-persuni.

Wara r-reazzjoni li kien hemm għal din l-aħbar, l-uffiċċju tal-Prime Ministru ħareġ stqarrija l-Erbgħa waranofsinhar li fiha qal li se jemenda dan l-avviż legali.

Il-gvern qal li pajjiżna hu l-uniku wieħed li jippubblika l-ismijiet ta’ dawk li ħadu ċ-ċittadinanza, u issa se jibda jippubblika wkoll ta’ dawk li ġew privati miċ-ċittadinanza Maltija, f’sinjal ieħor ta’ trasparenza.

Ingħad li din il-klawżola kienet maħsuba għal ċirkostanzi straordinarji ħafna li mhux bilfors ikunu marbuta maċ-ċittadinanza bil-mertu. Iżda fid-dawl li din il-klawsola tista’ tkun interpretata bħala li titfa’ ċertu dubju fuq ix-xogħol biex tissaħħaħ it-trasparenza, il-Gvern qal li ta’ widen u qed jieħu nota tat-tħassib li tqajjem u se jkun qed ineħħiha mill-avviż legali.

Il-Gvern għandu jippubblika l-lista tal-ismijiet ta’ dawk li ħadu ċ-ċittadinanza b’mod separat – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jilqa’ l-proposta tal-Oppożizzjoni u jibda jippubblika b’mod ċar u separat l-ismijiet tal-persuni kollha li jkunu saru ċittadini Maltin kull tliet xhur kif kien isir sal-2013.

Fi stqarrija l-PN qal li d-deċiżjoni tal-Gvern li jbiddel Avviż Legali li ġie ppubblikat ftit jiem qabel il-Milied dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza hi deċiżjoni li ttieħdet mill-Gvern għax inqabad jaħbi.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku, Karol Aquilina qal li minkejja dan il-Gvern se jibqa’ jżomm sigriet l-ismijiet ta’ dawk li jkunu xtraw iċ-ċittadinanza Maltija billi l-pubblikazzjoni tagħhom issir f’lista twila li tinkludi lil dawk kollha li jkunu saru ċittadini Maltin minħabba żwieġ, dixxendenza jew wara numru kbir ta’ snin jgħixu fil-Gżejjer Maltin. Aquilina żied li din il-lista se tkun ippubblikatata iktar minn sena wara jiġifieri fl-aħħar tas-sena 2020 jiġu ppubblikati l-persuni li jkunu saru ċittadini fl-2019.

Il-PN qal li l-Oppożizzjoni pproponiet ukoll li biex il-proċess ta’ due diligence ikun wieħed aktar trasparenti u effettiv, l-ismijiet tal-persuni li japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija għandhom jibdew jiġu ppubblikati meta japplikaw għaċ-ċittadinanza u mhux biss wara li jingħataw iċ-ċittadinanza.

Il-PN temm li jekk il-Gvern ma jagħmilx hekk, l-istqarrija tiegħu dwar aktar trasparenza u governanza tajba tkun biss kliem fieragħ u konferma li l-Gvern se jkompli jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta.