L-Avviż Legali dwar il-kostruzzjoni jżid il-konfużjoni – Kamra tal-Periti

Il-Kamra tal-Periti qalet li l-Avviż Legali li ħareġ il-Gvern ilbieraħ, bi ksur tar-regoli, iżid il-konfużjoni dwar ir-responsabbilitajiet.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Periti qalet li l-Avviż Legali dwar l-evitar ta’ ħsara lil proprjetà ta’ terzi persuni li ġie ppubblikat ilbieraħ mill-Gvern ġie ppubblikat mingħajr “ebda konsultazzjoni mal-Kamra kif obbligat bil-liġi”. Il-Kamra qalet li dan minkejja li saru diversi talbiet għal laqgħat matul l-aħħar ħmistax. Qalet li ġiet injorata.

Fi kliem il-Kamara, il-preokkupazzjonijiet tagħha għas-saħħa tan-nies iggravaw bil-pubblikazzjoni tar-regolamenti ġodda. Mill-banda l-oħra, l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) qalet li l-aħħar regolamenti jgħinu biex jiġu ċċarati numru ta’ anomaliji b’rabta mar-responsabbilitajiet fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Skont il-Kamra, ir-responsabbilitajiet għandhom ikunu definiti b’mod ċar u nett fl-intereress tas-saħħa tan-nies. Spjegat li l-Kodiċi Ċivili jidentifika speċifikament żewġ figuri li għandhom jerfgħu din ir-responsabbilità – il-perit u l-kuntrattur.

“Il-perit huwa responsabbli li jiddiżinja, jispeċifika u jidderieġi x-xogħlijiet sabiex jassigura li l-bini ikun sigur. Il-kuntrattur huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, inkluż li jimxi mad-diżinn, speċifikazzjonijiet u direzzjoni tal-perit. Huwa f’idejn il-kuntrattur li jistabilixxi it-tip u l-kwalifiki talħaddiema tiegħu sabiex jkun jista’ jerfa’ r-responsabilitajiet tiegħu. Din hija n-norma fil-pajjiżi żviluppati.”

Il-Kamra kompliet tgħid li hemm responsabbilità oħra ta’ regolamentazzjoni li jrid iġorrha l-Gvern. Intqal li sal-lum, il-Gvern naqas “li jonoraw l-obbligi tiegħu li jirregola l-industrija b’mod adegwat” f’diversi istanzi. Dawn jinkludu:

  1. L-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni dwar il-Bini (BRO) tħalliet bla riżorsi finanzjarji għal snin twal
  2. M’hemm l-ebda sistema ta’ reġistrazzjoni u liċenzjar ta’ kuntratturi fis-seħħ (bi ksur tal-liġi)
  3. Lista ta’ bennejja liċenzjati ġiet ippubblikata l-Ġimgħa (wara snin twal bil-Gvern iġib l-iskuża tal-protezzjoni tad-data)
  4. Il-proċess tal-ippjanar qatt ma ġie sseparat b’mod ċar mill-proċess tar-regolamenti tal-bini
  5. M’hemmx sistema ċentralizzata ta’ regolamentazzjoni tal-bini u l-kostruzzjoni bħal dawk f’pajjiżi Ewropej
  6. L-abbozz tal-Att dwar il-Periti ilu fuq l-ixkaffa għal aktar minn 12-il sena
  7. Kważi l-ebda prodott tal-bini li hawn fis-suq Malti ma jġorr CE certification, u għalhekk huwa illegali

Min-naħa tagħha, l-MDA qalet li site managers li jirrappreżentaw lill-kuntrattur fuq sit ta’ kostruzzjoni għandhom ikunu nies tekniċi kkwalifikati. Qalet li m’għandhomx bżonn ikunu perit bil-warrant.

L-MDA qalet li l-industrija tal-kostruzzjoni għandha bżonn bidla urġenti li tinkludi t-twaqqif ta’ kunsill tal-iżvilupp li jkun jista’ jagħti liċenzji lir-rock excavators u demolition contractors. Intqal li din il-bidla ġġib magħha reġistru ta’ żviluppaturi approvati.

Fi kliem l-MDA, l-Avviż Legali ma jgħidx li x-xogħol tal-kostruzzjoni għandu jieqaf. Se tkun qed issejjaħ laqgħa ta’ informazzjoni għall-kuntratturi, żviluppaturi, u bennejja.