​L-avvenimenti sportivi li sawru s-sena 2017

Hekk kif wasalna fl-aħħar ġranet tas-sena 2017, se nagħtu ħarsa lejn dawn l-avvenimenti sportivi internazzjonali illi kkaraterizzaw dawn it-12-il xahar illi għaddew.
L-iktar mumenti li nibqgħu niftakru ġraw fil-Confederations Cup, fit-Tour de France illi jsir kull sena kif ukoll stajna naraw sitwazzjonijiet illi ġraw fl-Istati Uniti bħas-Super Bowl u l-NBS Play-offs illi ġabu interess kbir mid-dilettanti sportivi kollha. Aħna għamilnihom f’forma ta’ klassifika fejn ġbarna l-aktar għaxar avvenimenti importanti ta’ din is-sena.
10. UEFA Champions League

L-istaġun 2016-2017 jibqa’ wieħed memorabbli għal Real Madrid illi laħaq iċ-ċirasa fuq il-kejk bir-rebħ tal-UEFA Champions League għas-spejjeż ta’ Juventus. Il-Bianconeri kellhom bidu tajjeb fejn irnexxielhom iġibu d-draw b’gowl mill-isbaħ ta’ Mario Mandzukic illi rrisponda għal gowl ta’ Ronaldo.
Madanakollu fit-tieni taqsima l-istilla Portugiża ma setgħet titwaqqaf b’xejn mid-difiża ferm fraġli ta’ Juventus illi qalgħu tliet gowls oħra bla risposta permezz ta’ Casemiro, Asensio u l-istess Ronaldo. Għal dan il-plejer ta’ 32 sena din kienet it-tielet Champions League illi rebaħ f’erba’ snin.
Is-sena 2017 spiċċat fuq nota impressjonanti għalih meta rebaħ ukoll il-Ballun tad-Deheb wara li għadda bil-punti lir-rival Lionel Messi.
9. NBA Playoffs

Fl-Istati Uniti spikkaw il-play-offs tan-National Basketball Association (NBA) fejn għal madwar xahrejn kien hemm taqtiegħa ferm interessanti bejn erba’ timijiet San Antonio Spurs, Clevel and Cavaliers, Golden State Warriors u Boston Celtics.
Fl-aħħar mill-aħħar kienu Golden State Warriors illi rebħu l-ħames titlu tagħhom fl-istorja meta għelbu lil Clevel and Cavaliers b’serje ta’ 4-1.
8. FIFA Confederations Cup

Wara li rebħu t-Tazza tad-Dinja tliet snin ilu, il-Ġermanja kisbet titlu ieħor meta rebħu l-ewwel Confederations Cup illi saret fir-Russja taħt sigurta’ stretta.
Fil-finali huma għelbu lil Chilebl-iskor ta’ 1-0 f’logħba ferm goffa u aggressiva. Il-gowl illi ddeċieda l-konfront ġie skorjat minn Lars Stindl.
7. US Open

​Kienet is-sena tat-tennista Spanjol Rafa Nadal illi għalkemm kien għadu ġej minn żewġ injuries fl-aħħar staġuni kien kapaċi biżżejjed illi jirbaħ l-US Open meta fil-finali li saret f’Settembru li għadda fl-Arthur Ashe Stadium għeleb fi tliet sets lil Kevin Anderson 6-3, 6-3, 6-4. Din ir-rebħa tatu is-sittax il-Grand Slam fil-karriera glorjuża tiegħu.
Fis-singles tan-nisa kien hemm is-suċċess tal-Amerikana Sloane Stephens illi fil-finali għelbet lil Madison Keys 6-3, 6-0.
6. Australian Open

F’dan l-avveniment ewlieni sportiv illi jsir fl-Awstralja kienet Serena Williams illi ħarġet bl-unuri meta għelbet lill-oħtha Venus 6-4, 6-3. Wara dan is-suċċess, it-tennista ħabbret illi kienet qed tistenna tarbija. Kien turnament fejn ra lill-istess Serena illi ma tilfitx set wieħed sabiex meritatament rebħet dan l-unur.
Fis-singles tal-irġiel kien Roger Federer illi b’wirja mill-aqwa rebaħ it-18 –il suċċess tiegħu meta fil-finali għeleb lil Rafael Nadal.
5. World Series

Il-World Series tas-sena 2017 fil-baseball Amerikan kien iddominat minn Astros illi f’finali ferm kumbattuta għelbu lil Dodgers bl-iskor ta’ 5-1 wara seba’ logħbiet. Kienet logħba ferm sabiħa b’diversi extra-innings, homeruns u finishes li ħalliet lil dawk preżenti fl-istejdum Amerikan fuq ix-xwiek.
B’hekk iċ-ċittadini tal-belt ta’ Houston, wara l-uragan Harvey illi ħalla diversi danni, kellhom daqsxejn tat-tbissima hekk kif it-tim tal-belt tagħhom rebaħ dan l-unur.
4. Tour de France

Għal darb’oħra saret edizzjoni oħra tat-Tour de France li b’kollox għandu distanza ta’ 2,200 mil bejn Franza u l-Ġermanja u li għandha taħlita ta’ ħiliet atletiċi taċ-ċiklisti ma’ veduti spettakolari.
Kien l-Ingliż Chris Froome illi għalkemm qatt ma rebaħ wieħed mill-istages ta’ din is-sena kien veloċi biżżejjed biex għal 54 sekonda jieħu r-raba’ titlu fil-karriera tiegħu.
3. Mayweather vs McGregor

Waħda mill-iktar ġlidiet tal-boxing imsemmija matul din is-sena kienet dik bejn Floyd Mayweather u Conor McGregor. Minkejja kollox kienet ġlieda ferm diżappuntanti illi għalkemm ġabet rekord ta’ spettaturi kemm fil-padiljun fejn intlagħbet kif ukoll dawk illi segwewha minn djarhom.
Kien Mayweather illi ħareġ rebbieħ meta bi TKO fl-għaxar rawnd għeleb lil arċi-rivali tiegħu.
2. Super Bowl

Fl-American Football kienet is-sena ta’ New England Patriots illi wara li dawru telfa f’rebħa b’25 punt huma għelbu lil Atlanta Falcons 34-28. Kienet logħba illi ħa titniżżel fl-istorja ta’ dan l-isport f’avveniment illi kellu wkoll xeħta artistika meta fl-intervall ħarġet tkanta l-kantanta ċelebri Lady Gaga. Kien hemm ukoll ħafna riklami li ġabu tbissima lil kull min kien fis-Super Bowl.
1. Wimbledon

F’avveniment ieħor prinċipali tat-tennis mondjali kien Roger Federer illi ħareġ rebbieħ fl-Open ta’ Wimbledon meta fil-finali rebaħ lill-Kroat Cilic 6-3, 6-1, 6-4 sabiex kiseb it-tmien titlu fil-karriera tiegħu.
Federer sar l-ewwel tennista maskili illi ma tilifx set sabiex kiser ir-rekord ta’ Bjorn Borg li kien ilu 41 sena.
Fis-singles tan-nisa kien hemm is-suċċess tal-Ispanjola Garbine Muguruza illi rebħet it-tieni Grand Slam tagħha personali.