L-avveniment Lost and Found iħalli €6.5 miljun f’Malta fi ftit jiem

L-avveniment mużikali Lost and Found, li ġie organizzat fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar għat-tieni sena konsekuttiva, hu eżempju prattiku tal-ħidma tal-Gvern biex jagħti injezzjoni qawwija fl-ekonomija ta’ din in-naħa ta’ Malta f’perjodu kajman għas-settur turistiku.
Il-Ministeru għat-Turiżmu qal dan fi stqarrija hekk kif qal li t-8,000 ruħ li attendew dan l-avveniment ħallew €6.5 miljun fl-akkomodazzjoni, l-ikel, id-divertiment, it-trasport u l-ħwienet f’Malta fi ftit jiem. B’hekk, l-infiq turistiku fl-ewwel tliet xhur tas-sena żdied bi 2%.
Ma’ dawn, il-valur miżjud dirett jew indirett jammonta għal €4 miljun.
Il-Ministeru qal li l-objettiv primarju tal-Gvern hu dak li l-ġid ekonomiku mit-turiżmu jintlaħaq minn firxa wiesgħa tal-poplu, waqt li qal li għas-snin li ġejjin se jaċċerta titjib fil-kordinament u l-organizzazzjoni biex jitqiesu r-residenti tal-madwar.