Read in English.
L-avukati ta’ Yorgen Fenech ressqu lment quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello wara li d-Direttur tal-Ħabs Alexander Dalli tellifhom waqt laqgħa mal-klijent tagħhom b’tisbit u għajat. Huma qed jitolbu l-protezzjoni tal-Qorti.
Dr Charles Mercieca mar jiltaqa’ ma’ Fenech fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin nhar it-Tnejn li għadda sabiex jiddiskuti miegħu l-każ u s-seduta tal-għada, meta kellha tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Fenech. Fenech jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Ma kinux għadhom għaddew ħames minuti mil-laqgħa meta d-Direttur tal-Ħabs interrompa l-laqgħa, u beda “jgħajjat u jsabbat mal-mejda,” irrakkonta Dr Mercieca lil Newsbook.com.mt. Dalli widdeb lill-avukat li ma jistax idaħħal karti miegħu.
Dr Mercieca ddeċieda li jkompli bil-laqgħa, billi hi proċedura normali li jdaħħal il-karti miegħu relatati mal-każ sabiex jiddiskutihom mal-klijent. Madankollu, wara ftit ħin daħlu erba’ uffiċjali mill-Ispecial Response Team (SRT) armati bil-pistoli li, mill-ġdid, bdew jgħidu lill-avukat li ma jistax ikollu l-karti. Qalulu biex tal-anqas jiskenjahom, iżda huwa rrifjuta billi l-karti inkludew materjal sensittiv relatat mal-każ.
L-avukat innota li Fenech beda jħossu kommoss b’dan kollu, u għalhekk iddeċieda li jtemm il-laqgħa. Malli ħareġ mil-laqgħa, avviċinah id-Direttur tal-Ħabs li beda jgħolli leħnu miegħu u jheddu, “Aqbiżli ‘l barra,” filwaqt li jgħid li l-ħabs tiegħu u kulħadd irid jobdi lilu.
Għaldaqstant, l-Avukati tad-Difiża ta’ Fenech ressqu rikors f’isem l-Avukat Charles Mercieca li fih qegħdin jitolbu l-protezzjoni tal-Qorti. Stqarrew li huwa impossibbli li jassistu lill-klijent tagħhom affaċċjati minn aġir bħal dan.
Huma ressqu wkoll ilment fuq il-każ mal-Kamra tal-Avukati.
Nhar it-Tlieta li għadda, fl-aħħar seduta fil-kumpilazzjoni, Dr Mercieca għamel referenza għal dan l-ilment.