L-avukati ta’ Yorgen Fenech iridu kopja tal-inkjesta maġisterjali fuq l-assassinju

Miguela Xuereb

It-tim legali ta’ Yorgen Fenech qed jitlob li jingħata kopja tal-inkjesta maġisterjali fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fit-talba tagħhom illum, l-Avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca qalu li l-inkjesta ntemmet xhur ilu, u għandha tkun inkluża fir-rekords tal-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-klijent tagħhom.

Yorgen Fenech huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista li seħħ fl-2017.

Dan ġie rrappurtat mit-Times of Malta u mill-MaltaToday.

L-inkjesta maġisterjali tmexxiet mill-Maġistrat Neville Camilleri.

Fit-talba tagħhom tal-lum, l-avukati talbu li jinħatar espert tal-Qorti biex jippreserva t-telefonati ta’ xhieda kruċjali, inkluż ta’ Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, u Edwin Brincat il-Ġojja, ħabib ta’ Theuma u tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, kif ukoll ta’ qraba ta’ Theuma. L-avukati jridu wkoll li stqarrijiet li x-xhieda taw lill-pulizija jiġu inklużi fil-kumpilazzjoni tax-xhieda.

Apparti dan, l-avukati qed jitolbu li l-kumpilazzjoni tkompli malajr kemm jista’ jkun, qabel is-seduta skedata tas-6 t’Ottubru.

F’din is-seduta ssemmew mill-ġdid it-telefonati bejn il-Ġojja u l-eks Kummissarju
L-għada tal-arrest ta’ Theuma, kelli laqgħa ta’ sagħtejn miegħu – Cutajar